Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Arloġġ ma Jistenna ’l Ħadd

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jgħaġġel kemm jgħaġġel, ma jilħqu ħadd. Għaddej dejjem bla ma jieqaf jistrieħ jew jaħsibha. Dejjem għaddej. Issib min itektek, min bil-pendlu u min diġitali. Issib tal-idejn, oħrajn ta’ mal-ħajt inkella xi grandfather clock itwal minn bniedem. Imma sakemm ikunu jaħdmu, ebda minnhom ma jistenna u dejjem għaddejjin.

Fl-imgħoddi kienu jaqraw il-ħin skont il-pożizzjoni tax-xemx, imbagħad bdew jaqraw il-ħin skont id-dell, u allura max-xemx żdiedet xi stikka biex id-dell tagħha imur fuq numru li juri s-siegħa. Kien hawn anki l-arloġġ tar-ramel, kwantità ta’ ramel fi speċi ta’ flixkun f’forma ta’ numru tmienja, bir-ramel jgħaddi minn passaġġ dejjaq fin-nofs u jinżel kollu fil-parti ta’ isfel f’ħin stabbilit. Imbagħad kien żviluppat l-arloġġ li
jaħdem bir-roti f’daqsijiet differenti mqabbdin ma’ xulxin bil-gerijiet. U minn dawn insibu kemm kbar ħafna bħal dawk fil-kampnari tal-knejjes, u oħrajn ċkejkna bl-istess sistema bħall-arloġġi tal-idejn.

Hawn ma nistax ma nsemmix lil Mikielanġ Sapiano mill-Imqabba li kien surmast fuq din is-sengħa u ħadem
diversi arloġġi fil-kampnari Maltin.

Fil-Latin hemm frażi “tempus fugit” meħuda minn Virgil, li tfisser li l-ħin itir. U veru jtir għax xejn u ħadd ma jlaħħaq miegħu. Mument mitluf tista’ tagħmel ieħor bħalu, imma ma jkunx dak il-mument, għax dak ħarab u mar. It-telf tal-ħin u l-għażż huma l-għedewwa l-kbar nett tal-bniedem. Il-ħin mitluf huwa ħin misruq lilna nfusna. U meta ntellfu l-ħin lil ħaddieħor inkunu qegħdin nisirqu lil dak li jkun minn ħinu.

Fil-Latin hemm frażi oħra “carpe diem” ta’ Horace, li tfisser aħtaf il-jum… ħu l-opportunità mill-mument li qed tgħix, agħmel użu mill-ħin tiegħek sewwa u dak li għandek tagħmlu eħilsu u tħallihx għal għada.

L-arloġġ mhux biss xi ħaġa sabiħa biex iżżejjen l-idejn… ifakkarna li kull sekonda li tgħaddi ma terġa’ lura qatt. Ma rridx inkun negattiv, imma huwa fatt li kull sekonda li tgħaddi hija sekonda eqreb lejn it-tmiem tagħna… u fit-tmiem ma rridux ngħidu li l-ħin misluf lilna ħlejnieh. Mhux hekk?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN