Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Ewwel…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-ewwel jum ta’ sena ġdida l-Ingliżi jselħulha New Year’s Day, il-jum tas-sena l-ġdida. It-Taljani jgħidulha Capodanno, ir-ras jew il-bidu tas-sena mentri għalina l-Maltin hija l-Ewwel tas-Sena. Jiġifieri l-Ingliżi jagħmlu aċċenn fuq il-jum, it-Taljani fuq il-bidu u aħna fuq il-kelma l-ewwel… u jien hekk se nagħmel… dan huwa l-ewwel blog għal din is-sena u se nfakkar f’affarijiet oħrajn marbutin mal-kelma L-EWWEL.

L-EWWEL President ta’ Malta kien Sir Anthony Mamo minn Birkirkara. Huwa kien avukat, Professur fl-Università, Avukat Ġenerali u Prim Imħallef. Sar l-ewwel Gvernatur Ġenerali ta’ Malta u meta pajjiżna sar Repubblika, inħatar l-ewwel President tar-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974.

L-EWWEL Prim Ministru ta’ Malta kien Sir Joseph Howard. Kien membru fl-Akkademja Militari Franċiża. Ġie nnominat fil-Kunsill tal-Gvern mill-Comitato Patriottico, elett fl-ewwel Parlament Malti fl-1921 mal-UPM u offrewlu l-kariga ta’ Prim Ministru. B’hekk mexxa l-ewwel Gvern Malti sal-1923.

L-EWWEL katidral f’Malta kien dak tal-Imdina. Inbena fi żmien in-Normanni u jingħad li jinsab fil-post fejn Publju ltaqa’ ma’ Pawlu wara n-nawfraġju tal-Appostlu fuq gżiritna. Il-katidral iġġarraf fit-terremot tal-1693, kif ġralha l-biċċa l-kbira tal-Imdina u nbena mill-ġdid fuq pjanta tal-Perit Lorenzo Gafà.

L-EWWEL partita internazzjonali għat-tim nazzjonali tal-futbol intlagħbet fl-Empire Stadium tal-Gżira fl-24 ta’ Frar 1957 kontra l-Awstrija. Folla kbira segwiet il-logħba li spiċċat bl-iskor ta’ 2-3. Wara li t-tim Malti kien tliet gowls minn taħt, waslu l-ewwel gowls Maltin minn Tony Cauchi u Sammy Nicholl.

L-EWWEL kanzunetta li rrappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest kienet Marija l-Maltija kantata minn Joe Grech. Il-mużika kitibha Grech stess u l-kliem huma ta’ Charles Mifsud. Il-kanzunetta pparteċipat f’Dublin l-Irlanda fit-3 t’April 1971 u l-orkestra ddireġiha Mro Twanny Chircop.

L-EWWEL żjara ta’ Papa f’Malta seħħet fil-25 ta’ Mejju 1990 meta Papa Ġwanni Pawlu II wasal f’pajjiżna għal żjara ta’ tlett ijiem. L-għada, 26 tax-xahar, sar l-ewwel Papa li żar Għawdex.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN