Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Għana

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fil-Malti, il-kelma għana għandha żewġ tifsiriet. Waħda tfisser rikkezza, meta bniedem ikun għani għax ikollu ħafna flus u proprjetà, u l-oħra tfisser il-kant u daqq tradizzjonali Malti.

Tul l-istorja ta’ missirijietna, jidher li l-għana beda fost il-bdiewa u raħħala, fl-ambjent seren tar-raba’ Malti. Kien il-mod kif irġiel u nisa kienu jesprimu lilhom infushom f’kull emozzjoni li jkollhom. L-għana jakkumpanjawha bi strumenti differenti imma l-aktar popolari hija l-kitarra.

Issib il-prim, dak li joħloq melodija bejn strofa kantata u oħra, u l-kitarri tal-akkumpanjament, dawk li jdoqqu l-kordi ritmiċi. Imma
mal-kitarri ġieli kienu jintużaw ukoll l-accordion, iż-żafżafa, t-tambur, iż-żaqq u anki ż-żummara.

Issib ħafna tipi ta’ għana differenti. Fost l-aktar popolari nsibu l-għana spirtu pront. Din hija għana improviżżata, kliem mhux miktub minn qabel, wieħed ikanta strofa u ieħor iwieġbu dak il-ħin skont dak li jkun qallu. Din trid abbiltà kbira, għax filwaqt li trid tqabbel il-kliem, trid twieġeb argument li l-ieħor ma tafx fejn se jieħdu, kważi kważi dibattitu kantat.

Insibu mbagħad l-għana tal-fatt. Fi żmien meta medja ma kienx hawn, aħbar ġieli waslet minn raħal għall-ieħor permezz ta’ għanja twila li tirrakkonta xi ġrajja bħal ballata, qisha l-cantastoria ta’ Sqallija u l-Italja. L-għannej jgħanni dwar dak li ġara u n-nies isegwu attenti.

L-għana tal-banju kien jinvolvi lin-nisa l-aktar. Dan kien jinvolvi taqbiliet ħelwin, ġieli ta’ inkejja, li n-nisa kienu jgħannu waqt li jaħslu l-ħwejjeġ ħdejn xi għajn pubblika. La kien ikun hemm ħafna jaħslu fl-istess ħin, xi waħda li riedet titfa botta kien ikollha ċ-ċans tgħanni biex l-oħra tifhimha.

Hemm imbagħad l-għana la Bormliża, b’noti twal fil-għoli, anki meta jgħannuha l-irġiel. Hemm ukoll il-makjetti li jkollhom dejjem xi suġġett komiku jew ta’ nkejja.

Minbarra l-għana fil-ħwienet, l-għannejja kellhom ix-xalati tagħhom; festi fejn jinġabru jkantaw. Kienu jmorru l-Mellieħa fil-Vitorja, Marsaxlokk għal San Girgor, ix-Xgħajra f’Lapsi, Ħaż-Żabbar f’Ħadd in-Nies u naturalment il-Buskett fl-Imnarja. Fl-imgħoddi anki fil-Karnival jew f’xi okkażjoni speċjali, kienu jiċċelebraw bil-għana.

Illum l-għana mhux moda daqs qabel. Imma jalla ma nitilfuh qatt… għax dak tagħna l-Maltin.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN