Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

L-Għarusa tal-Mosta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-inħawi bejn il-Mosta u Ta’ Qali hemm torri kbir mdawwar b’ħajt għoli, it-Torri Cumbo. Għandu gallarija mad-dawra kollha u storja li kulħadd tgħallem fl-iskejjel Primarji… il-leġġenda tal-għarusa tal-Mosta.

Fi żmien, kif jixhed ismu, f’dan it-torri kienet toqgħod il-familja Cumbo. Kien żmien meta Malta kienet dejjem imħabbta bil-kursari Torok jaħbtu għax-xtut tagħna u jisirqu n-nies biex jagħmluhom ilsiera. L-Insara f’Malta xejn b’inqas, għax kull meta kienu jirbħu xi ġifen Tork, lit-Torok ta’ fuqu kienu jġibuhom l-art bħala skjavi. Ġulju Cumbo u martu kellhom skjav Tork fit-torri tagħhom. Kien jismu Ħaġġi. Dan Ħaġġi
kellu grazzja kbira ma’ bint Ġulju; Marjanna. Iżda din Marjanna qatt ma kellha ebda ħsieb romantiku dwar Ħaġġi, għax fil-fatt kienet għarusa lil wieħed mill-ġirien tagħhom; Toni Manduca.

Ħaġġi rrabja wisq meta sar jaf li dik xtaq għalih kienet tgħarrset lil ħaddieħor. Ħarab mit-torri u sab mezz kif jitlaq lejn pajjiżu. Iżda l-ħsieb tiegħu dejjem kien f’Marjanna.

F’inqas minn sena wara, Ħaġġi reġa’ ġie lura Malta abbord ġifen tal-kursari. Sħabu bdew jisirqu dak li sabu kull fejn resqu, iżda hu kellu post eżatt f’moħħu fejn ried imur jagħmel il-kisba tiegħu. Mar lejn Torri Cumbo u seraq lil Marjanna f’jum it-tieġ tagħha stess. Huwa rikkibha l-ġifen Tork liebsa l-libsa tat-tieġ u ħadha miegħu lejn it-Turkija. L-għarus Toni riedha u bla biża’ mar it-Turkija jfittixha. Sar jaf li kienet
saret parti mill-ħarem fil-palazz tas-Sultan.

Darba kien taħt il-ħajt għoli tal-Palazz u sema’ vuċi tkanta għanja Maltija. Huwa kompla magħha u b’hekk iż-żewġ maħbubin saru jafu li jinsabu qrib. Bil-għajnuna ta’ ħabibitha, bint is-Sultan, Marjanna tħarrbet mill-Palazz bi lbies biex ma tingħarafx u salpat lejn Malta
mal-maħbub tagħha Toni fejn huma ma damux ma żżewġu.

Hemm verżjonijiet differenti ta’ din il-leġġenda, dettalji li żdiedu maż-żmien. Imma kollha huma mibnija madwar ir-rakkont tat-tfajla misruqa f’jum it-tieġ u wara żmien ippremjata bl-imħabba ta’ ħajjitha.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN