Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Għedewwa tal-Ambjent

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

L-ambjent naturali u storiku huwa kollu wirtna. Huwa xhud ħaj tal-ħolqien u tal-ħajja ta’ missirijietna fl-imgħoddi. Jagħti wkoll dehra tal-karatteristiċi li jagħmluna Maltin. B’xorti ħażina l-ambjent jiġrulu ħsarat li ma jħalluhx l-istess, u allura jtellfu dak li writna mingħand ta’ qabilna.

Il-ħsarat jistgħu jinqasmu fi tlieta. Issib ħsarat ġejjin min-natura, oħrajn li Malta ma kellhiex kontroll fuqhom u oħrajn ġejjin minn vandaliżmu u traskuraġni.

In-natura hija fattur li b’xorti ħażina tikkawża ħsarat irreparabbli. Il-maltemp, ir-riħ qawwi u x-xita iwaqqgħu l-istrutturi jew jieklu l-ġebla li maż-żmien tintilef għal kollox.

Insibu imbagħad ħsarat li l-poplu ma setax ikollu kontroll fuqhom, speċjalment minn taqbid jew gwerer. Dan kien isir fi żmien il-ħbit mill-furbani fl-imgħoddi mbiegħed u fis-seklu li għadda matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Speċjalment il-ħbit mill-ajru kien qerriedi għaliex il-bombi kienu jilħqu kollox u kullimkien bla ħniena la għall-bniedem u lanqas għall-bini. Infatti nafu ħafna binjiet permezz ta’ ritratti għax intilfu fil-gwerra.

L-akbar għadu, iżda, huwa li minn fost il-poplu stess għadek issib min b’vandaliżmu jew traskuraġni jikkaġuna ħsarat bla sens. Ma nistax nifhem kif fis-seklu wieħed u għoxrin għadek issib min imur jarmi l-iskart tiegħu kif ġie ġie, minkejja li hawn servizzi biex l-iskart goff jinġabar bil-galbu.

Issib ukoll min wara xi ħalba xita jmur jaqleb il-ġebel tal-ħitan tas-sejjieħ biex jiġbor il-bebbux. Jew min imur jagħmel xi picnik jew barbeque u jħammeġ kullimkien b’dak li jħalli warajh. Jew inkella min iqaċċat pjanti indiġeni mix-xagħri jew jiġbor ġebel tal-gagazza biex iżejjen daru.

Il-gassijiet u d-dħaħen huma wkoll kawża ta’ ħsarat għall-binjiet, għall-veġetazzjoni u għall-bniedem fosthom dak li joħroġ miċ-ċmieni tal-industrija u mis-silencers tal-vetturi.

B’xorti ħażina ssib ukoll min iwettaq vandaliżmu intenzjonat. Tara graffiti miktuba ’l hemm u ’l hawn ma’ ħitan storiċi jew ma’ kappelli. Dan huwa frott ta’ nies li ma fehmux li l-ambjent mhux tagħhom biss.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN