Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Għomor u Alla Jaħfrilhom

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta jħallina xi ħadd nafuh huwa dejjem mument diffiċli. Tibda tiftakar il-mumenti li nkunu għaddejna flimkien u bħal film twil twil li jgħaddi minn quddiem għajnejna f’sekonda, nġibu quddiem għajnejna l-isbaħ u l-ikreh waqtiet tal-ħajja. Meta imbagħad ma nkunux nafuh, imma nafu xi qarib, xorta jiddispjaċina u nattendu l-funeral biex nuru solidarjetà u nagħtu s-sapport lil-qraba viċini.

Imma x’sapport tagħti? L-aktar mument diffiċli hu meta tiltaqa’ mal-qraba. X’taqbad tgħidilhom? Ebda kuraġġ jew kelma oħra ma hi ta’ sabar biżżejjed. Dak il-ħin kull kelma nħossha żejda. Kultant imqar għafsa tal-id taf tkun biżżejjed.

Hemm frażijiet li jintużaw meta nitkellmu dwar bniedem li ħalliena, bħal Alla jaħfirlu. Qisna qegħdin niddettaw lill-Ħallieq lil min jaħfer u lil min ma jaħfirx. Fuq kollox jekk nemmnu li Alla jaħfer lil kulħadd, għandna għalfejn ngħidulu aħna? Bħallikieku lilna m’għandux x’jaħfrilna wkoll? Alla jrid jaħfer lil kull maħluq fuq wiċċ l-art, mhux lill-mejtin biss, Anzi lill-ħajjin irid jaħfrilna iktar. Irid jibqa’ jaħfrilna mhux tal-imgħoddi biss, imma anki tal-ġejjien… kemm indumu ħajjin… u kemm għad irridu nonqsu lil ta’ madwarna.

Imma l-aktar frażi bla sens, u jgħiduha ħafna lil min imutlu xi ħadd hija l-Għomor. X’konsolazzjoni fiha li dawk li baqgħu ħajjin tixtiqilhom għomor aktar minn dak li miet? It-Taljani jgħidu lunghi giorni wkoll fl-istess sens, ċioe, jien naraha bla sens daqs bil-Malti. Qisu għax mietlek xi ħadd hemm għalfejn nawguralek jien biex tibqa’ tgħix. F’ħafna minn dawn il-frażijiet nara ħjiel ta’ arroganza minn min baqa’ ħaj.

Fl-Indja ma kinux jgħidu l-għomor lil xulxin. Hemmhekk kellhom l-użanza li meta jmut raġel jidfnu lil martu ħajja miegħu… u allura żgur ma jixtiqulhiex għomor iktar minnu. U bilħaqq hemmhekk għandhom tradizzjoni oħra. Lill-mejtin jaħirquhom u l-irmied tagħhom jifirxuh fix-xmara Ganges… minn fejn kulħadd imur jiġbor l-ilma biex jixrob. Imnalla ma ġejniex l-Indja!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN