Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Għonnella

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

M’għadhiex moda żgur illum. Qatt ma nimmaġina t-tfajliet jilbsu l-għonnella biex joħorġu s-Sibt filgħaxija mgħottijin minn rashom sa saqajhom. Anzi pjuttost bil-kontra. Għalkemm l-orġini tagħha mhumiex ċari, wieħed jista’ jikkonkludi li għalkemm hija unika għall-gżejjer Maltin, hija riżultat ta’ lbies mill-artijiet li
jdawruna.

Hemm min isejħilha faldetta. F’ċerti rħula kienu anki jgħidulha stamina u l-verżjoni tan-nies komuni kienu jsejħulha ċulqana, imma l-aktar isem komuni kien għonnella. Hemm min jgħid li dil-kelma ġejja mit-Taljan gonella li tfisser dublett għax fl-imgħoddi d-dublett żejjed ta’ fuq l-ilbies kollu kien jiddawwar għal fuq ir-ras biex iservi ta’ għata kontra l-qawwa tax-xemx.

Fix-xitwa, imbagħad, din kienet tintuża aktar marsusa kontra r-riħ u l-kesħa.Il-mara li tilbisha kienet dejjem iżżomm it-tarf tagħha f’idha l-leminija biex iżżommha f’postha. Maż-żmien jidher li din il-parti li tgħatti r-ras bdiet tinħadem bħala biċċa lbies apparti li tintlibes fuq kollox. Żdiedet ukoll biċċa materjal iebsa, bħal xi kartuna, qasba jew għadma tal-balena biex iżżomm wieqfa.

L-aktar għinnella komuni kienet tkun skura, sewda l-aktar, għalkemm ċerti nobbli kienu jilbsu għonnella bajda jew ta’ xi lewn ieħor. Għalkemm tgħatti r-ras, mara li tilbisha kienet tibqa’ b’wiċċha mikxuf. Kellha ċ-ċans iżda li b’idha tikkontrolla t-tarf ta’ lbiesha, tgħatti aktar jew inkella tikxef wiċċha skont l-
okkażjoni… skont ix-xewqa tagħha… jew aħjar skont ma’ min tiltaqa’.

Issib min kien iqabbel l-għonnella ma’ lbies ta’ luttu, anki minħabba li l-maġġoranza kienu jkunu suwed. Hemm min isemmi li jista’ jkun li l-l-għonnella ġiet Malta fis-seklu 13 meta nisa minn Ċelano fl-Italja kienu mibgħuta Malta wara l-qtil ta’ żwieġhom… u allura ġew bi lbies ta’ luttu.

Hemm min iqabbilha ma’ lbies femminili Għarbi bħall-burka. M’hemm xejn li jindika xi rabta ħlief li l-klima f’pajjiżna u l-artijiet Għarab jeħtieġu li titgħatta mix-xemx qalila.

Hemm min jagħtiha wkoll aspett reliġjuż minħabba li għal sekli sħaħ in-nisa setgħu jidħlu fi knisja biss b’rashom mgħottija b’xi tip ta’ velu. Fil-fatt għall-bidu tas-Soċjetà tal-Mużew, is-soċi nisa kienu jilbsu l-għonnella qisha uniformi tagħhom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN