Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Għorfa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minkejja li fl-imgħoddi kellna ħafna ikbar raba’ mil-lum, xorta l-bdiewa kienu jaħlu l-inqas ammont ta’ art għall-binjiet tagħhom. U din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għala l-irziezet kienu, fil-maġġoranza tagħhom, jibnuhom fuq żewġ sulari minflok jibnu l-kmamar kollha fis-sular t’isfel u jkollhom inaqqsu aktar mill-art maħduma. Imma mhux din biss hija r-raġuni għala kienu jibnu anki fis-sular ta’ fuq.

Fis-sular ta’ fuq f’razzett, kienu jibnu l-għorfa, jiġifieri l-parti residenzjali tar-razzett. Kif titla’ fuq minn taraġ mikxuf fil-bitħa, kont issib is-setaħ, qisu bejt żgħir li fih il-mara tonxor il-ħwejjeġ, u l-għorfa magħmula minn xi żewġt ikmamar jew aktar imsaqqfin bit-travi magħmulin minn zkuk tal-injam u x-xorok tal-franka. It-travi ma kinux jintużaw biex isaqqfu s-sular ta’ isfel minħabba li l-injam kien ikollu jinġieb minn barra minn Malta u għalhekk kien kemmxejn rari biex tużah għaż-żewġ sulari. Isfel ġieli kienu jsaqqfuh bil-ħnejjiet.

Il-bieb prinċipali tal-għorfa kien iħares lejn in-nofsinhar biex jiffranka l-irjieħ kiesħa tat-tramuntana u l-grigal. Barra minn hekk, bil-bieb iħares lejn nofsinhar, is-sħana tax-xemx kienet tagħti wens sħun lill-ġewwieni tal-għorfa u allura din kienet raġuni oħra għala l-parti residenzjali tar-razzett kienet tinbena fis-sular ta’ fuq.

Fil-għorfa kienet tgħix il-familja tal-bidwi b’għamara sempliċi bħal xi senduq, xi siġġijiet, mejda u sodda, kollox tal-injam. Fiha kienu jseħħu l-aktar avvenimenti importanti tal-familja bħal twelid ta’ trabi, kif ukoll imwiet.

Vantaġġ ieħor għala jkun hemm is-sular ta’ fuq huwa li kien hemm bdiewa li kienu jaħżnu xi qamħ, xgħir u xkejjer tal-għalf fil-għorfa biex ibiegħdu dan il-materjal mill-umdita` li jista’ jkun hemm fis-sular ta’ isfel, kif ukoll biex dan il-materjal jagħti aktar sħana u wens lill-għorfa u lill-familja fix-xhur tax-xitwa.

F’xi rziezet kont issib ukoll kamra fl-aktar punt għoli tar-razzett biex fiha jinħażen xi imbarazz jew xi żrieragħ għall-frisk biex ma jimmuffawx. Minn dil-kamra kienet issir ukoll l-għassa għar-razzett jew għall-uċuħ tar-raba’.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN