Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Illustrious

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Dawk li jiftakru l-qilla tat-Tieni Gwerra Dinjija fuq Malta, kollha jsemmu b’nostalġija l-attakk fuq l-HMS Illustrious. Jingħad li kien l-aktar attakk kiefer fl-inħawi tal-Port il-Kbir tul il-gwerra kollha.

F’Jannar tal-1941, xi seba’ xhur wara li bdiet il-gwerra fuq artna, l-attakki kienu bdew jonqsu u ħafna nies ħasbu li l-gwerra se tieqaf. Infatti ħafna nies li mill-Kottonera marru refuġjati fl-irħula kienu qegħdin imorru lura. Dawk li rritornaw iddispjaċihom…

‘Il barra minn xtutna, il-bastiment kbir Ingliż Illustrious, aircraft carrier, kien qed jaqla’ attakk wara l-ieħor bejn Malta u Sqallija. Kien intlaqat seba’ darbiet mill-bombi tal-għadu mill-ajru. Biex isalvawh l-Ingliżi ordnawlu li jidħol Malta għall-kenn. Il-kenn tal-vapur espona lill-Maltin tal-Kottonera għal periklu kbir.

Minkejja l-bombi li qala’ l-vapur wasal fil-Port il-Kbir ta’ Malta fl-10 ta’ Jannar 1941. Kien qiegħed jaqbad u beda dieħel l-ilma. Mill-ekwipaġġ kienu mietu 126 u 91 oħrajn kienu korruti. Kif rabat f’Parlatorio Wharf taħt Kordin, il-ħaddiema tat-tarzna telgħu u damu sigħat twal sa filgħodi biex tfaw in-nirien. U dan minkejja l-attakki li baqgħu għaddejjin. Għax la l-vapur daħal fil-port, miegħu baqgħu l-ajruplani Ġermaniżi stukas li kienu ilhom jattakkawh fuq il-baħar. La l-vapur rabat mal-moll faċċata tal-Isla, l-istukas baqgħu jattakkaw lilu bil-Kottonera b’kollox.

L-attakki baqgħu għaddejjin għal ġranet sħaħ. Il-ħaddiema tat-Tarzna ma kinux ordnati jirranġaw il-vapur biex jerġa’ jkun tajjeb għall-ġlied, imma sempliċiment biex ikun tajjeb biex isalpa u jfittex jitlaq minn hawn. L-infern mill-ajruplani Nazisti kisser ħafna mill-Kottonera. In-nies tal-inħawi reġgħu bdew jitilqu mit-tliet ibliet b’ta’ fuqhom senduqhom. L-ammont ta’ korruti li ddaħħlu fl-isptar navali ta’ Bighi kien l-ikbar numru matul il-gwerra kollha. Fost il-postijiet milquta kien hemm il-knisja parrokkjali tal-Isla u s-sagristija tal-knisja ta’ San Lawrenz tal-Birgu. F’dawk il-ġranet Malta tilfet ħafna minn uliedha. Ħafna tilfu anki s-saqaf ta’ fuq rashom.

Fit-23 tal-istess xahar, l-Illustrious kienet kapaċi terġa’ tbaħħar. U hekk ġara għax ftit wara nżul ix-xemx salpat lejn Lixandra fl-Eġittu.

F’dak ix-xahar biss, Malta qalgħet xejn inqas minn 58 attakk mill-ajru.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN