Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Imdina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Imponenti fuq il-kampanja Maltija… int u tiela’ lejn is-Saqqajja, bilfors għajnejk imorru fuq il-binja tal-Katidral. Kburi fuq is-swar iħares l-għelieqi ta’ taħtu mill-kenn tad-difiża tal-belt siekta… belt merfugħa fuq għolja li minnha tara l-bqija tal-gżira.

Minn dejjem hekk rajtha lill-Imdina. U meta nidħol fit-toroq dojoq tagħha, għaxqa sħiħa… toroq li jwassluk madwar xi kantuniera misterjuża li dejjem qisha qiegħda taħbi xi ħaġa ġdida. U bil-lejl aktar milli matul il-jum. Id-dwal safrana mal-ħitan fis-satra tal-lejl kapaċi jgħidu storja twila u jqanqlu madwarhom mistoqsija wara oħra dwar ġrajjiethom.

Għall-bidu, kien jisimha Maleth jew Melita, isem li wara ħaditu l-gżira kollha. Kienu l-Għarab li bidlulha isimha għal Medina. U mhux isimha biss bidlu. Jingħad li l-Imdina kienet ħafna ikbar milli nafuha llum, saħansitra kienet twassal sa ħdejn il-misraħ ta’ San Pawl fir-Rabat. U l-inħawi tal-madwar jipprovaw dan.

Dak iż-żmien kienu jidfnu lill-mejtin barra l-belt. U jekk tinnota, il-katakombi ta’ San Pawl, ta’ Sant Agata u ta’ San Katald jinsabu kollha lil hinn mill-knisja ta’ San Pawl, inħawi li allura dak iż-żmien kienu barra l-belt. L-Għarab ċekknu l-belt għad-daqs li għandha llum biex ikunu jistgħu iħarsuha aħjar.

Anki t-toroq huma magħmula b’tali mod li kollha jwasslu għall-istess post, u jekk kien jirnexxilek tiżgiċċa lis-suldati ta’ mas-swar, ma kontx taħrab lis-suldati ta’ ġol-belt infisha.

Mal-miġja tal-Kavallieri f’Malta l-importanza tal-Imdina bdiet tonqos. Il-ħakkiema l-ġodda riedu jkunu qrib ix-xwieni tagħhom fil-Port il-Kbir. Barra minn hekk qatt ma kellhom ħajja faċli man-nobbiltà ta’ din iċ-Citta Notabile. Allura, wara li l-Gran Mastru L’Isle-Adam ħa l-ħakma ta’ Malta fl-Imdina stess, l-ordni tiegħu addotta lill-Birgu bħala l-bażi tat-tmexxija tal-gżejjer Maltin. Dakinhar l-Imdina ma baqgħetx aktar il-belt kapitali, imma ħadd u xejn ma naqqsilha minn sbuħitha, mill-veduti sbieħ li tgawdi u lanqas mill-qagħda imponenti tagħha.

Illum l-Imdina jżuruha ħafna turisti u Maltin biex mhux biss jieħdu esperjenza tal-istorja għanja tagħha u
tal-poplu tagħna, imma wkoll ikunu parti mill-misteri li toffri lejl u nhar.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN