Bonġu Kafè
Lokali

L-Imġarr

WAQT IL-KAFÈ… ma’ Joe Julian Farrugia

Raħal ħelu fil-majjistral ta’ Malta. Post imfittex ħafna speċjalment fix-xitwa u r-rebbiegħa għall-arja pura bogħod mit-traffiku tal-bliet. Huwa raħal żgħir imdawwar bil-kampanja u maqtugħ minn kull raħal ieħor madwaru. Infatti ħafna mir-residenti, qabel aktar mil-lum, kienu bdiewa f’għelieqi li jipproduċu għadd ta’ prodotti.

Il-kelma mġarr tfisser xi ħaġa li fuqha ġġorr. Hemm min jgħid li minħabba l-bajja tal-Ġnejna, l-isem jista’ ġej minn xi ġifen li jġorr il-merkanzija. L-istess jista’ jingħad għall-Imġarr Għawdex li huwa port.

Dawn l-inħawi ilhom abitati sekli twal. Biss biss jekk insemmu s-siti preistoriċi Ta’ Ħaġrat u Ta’ Skorba nkunu qegħdin immorru lura eluf ta’ snin. Jingħad li l-art fejn illum hemm ir-raħal għamlet żmien propjetà tal-familja Inguanez, u f’xi żmien għaddiet għand il-familja Falson.

Imma l-Imġarr mhux biss fejn hemm mibni. Għandu ħafna nħawi rurali fil-madwar li jaqgħu taħtu. Biżżejjed insemmu ż-Żebbiegħ, Binġemma u Fomm ir-Riħ fost ħafna nħawi oħrajn.

Tħares minn fejn tħares lejn l-Imġarr, f’nofsu tiddomina l-knisja ta’ Santa Marija. Jingħad li ħafna raħħala taw sehemhom fil-ġbir tal-flus biex tinbena. Minħabba li ħafna mir-raħħala tal-inħawi kienu jrabbu l-qrajjaq, mill-bejgħ tal-bajd kienu jiġbru l-fondi neċessarji għall-binja maestuża. Infatti jingħad li l-forma tal-koppla, forma ovali u unika, saret hekk biex tkun f’forma ta’ bajda. Il-knisja bdiet tinbena fl-1912 u tlestiet wara l-gwerra. Il-knisja għandha zuntier elevat;  fost l-akbar f’pajjiżna. U s’issa fuq naħa minnhom taz-zuntier għadek tista’ tara l-kampanja sabiħa u safja. Ta’ min jgħid li minkejja li l-parroċċa hija ddedikata lil Santa Marija, il-festa ma ssirx fil-15 t’Awwissu bħas-seba’ Santa Marijiet l-oħrajn, imma l-Ħadd ta’ wara.

Dan l-aħħar l-Imġarr sar sinonimu mal-frawli. Minkejja li ma hemm ebda differenza fil-mod kif titkabbar il-frawli minn inħawi oħrajn, il-bejjiegħa li jbiegħu il-frawli tal-lokal, bħala l-għajta tal-bejgħ, jiftaħru li l-frawli tagħhom huwa “tal-Imġarr”. Issir ukoll fiera tal-frawli fuq iz-zuntier u fiha minbarra l-frotta friska jinbiegħu ukoll prodotti magħmulin mill-frawli.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN