Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Imħabba

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

L-imħabba hi bewsa ħelwa zokkor… hekk kienet tgħid il-kanzunetta bil-Malti fil-Eurovision fis-snin sebgħin. Imma l-imħabba ħafna aktar minn hekk. Kieku sseħħ l-imħabba bejn il-ġnus, bejn il-bnedmin kollha, kieku d-dinja jkollha ħafna inqas problemi… imma ejja nitkellmu dwar l-imħabba personali… l-aktar emozzjoni li kapaċi tferraħ u kapaċi tbikki wkoll.

Kull koppja għandha l-istorja ta’ mħabba individwali… storja li tinkludi dati, mumenti u postijiet differenti li kapaċi jiftakru fihom f’kull anniversarju u f’Jum San Valentinu… id-data u l-post fejn il-koppja ltaqgħet, fejn u meta tgħarrsu, fejn u meta żżewġu u nibqgħu sejrin hekk.

Snin twal ilu kien hemm żmien fejn l-għarajjes u n-namrati bilkemm kienu jiltaqgħu, u meta kienu jiltaqgħu kienu jibgħatulhom xi chaperone. Dawn kienu jkunu jew oħtha jew ħuha ż-żgħir, għassa biex jekk jista’ jkun lanqas iħalluk tmissilha idha. Anzi kien ikun hemm min jiltaqa’ wara li jkun ftiehmu li jżewġuhom il-ġenituri. Imma jekk xi ħadd kien furtunat jew imqareb biżżejjed li jsib ċans waħdu magħha, aktarx li l-post fejn jiftakru dwar il-bidu tal-imħabba kien ikun taħt xi ħarruba jew wara xi ħajt tas-sejjieħ.

Għalihom, bogħod mill-għajnejn isqra tal-ġenituri, hemmhekk kien l-aktar post romantiku. Illum dawn l-affarijiet m’għadhomx jiġru, kollox aktar fil-miftuħ. Saret moda wkoll li jipproponu b’mod formali li jiżżewġu lil xulxin bl-għotja taħ ċurkett… u allura l-post fejn issir dil-proposta jrid ikun post romantiku wkoll. Naf nies joqgħodu barra minn Malta li għażlu lil pajjiżna fejn jagħmlu l-proponiment.

F’Malta għandna ħafna postijiet romantiċi fejn wieħed jista’ jipproponilha. Per eżempju sabiħ li tipproponi fuq id-dgħajsa f’nofs il-Blue Grotto… jekk ma jkunx jagħmillek id-deni l-baħar! Sabiħ ukoll tipproponi fuq il-Barrakka… veduta mill-isbaħ li ftit tara bħala madwar l-Ewropa. Sabiħ li tipproponi f’Ħaġar Qim, fl-Imnajdra jew fil-Ġgantija t’Għawdex… tkun ċerimonja mistika hux! Jew fuq il-vapur t’Għawdex… u malajr il-koppja jħossuhom Jack u Rose tat-Titanic, avolja ħadd ma jixtieq tmiem bħal tagħhom.

Insomma sakemm ikun hemm l-imħabba, romantiku kullimkien.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN