Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Innu Nazzjonali

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-Innu Nazzjonali ta’ pajjiżna huwa talba lil Alla. “Lil Din l-Art Ħelwa” hija talba miktuba minn Dun Karm Psaila b’mużika ta’ Robert Samut. Issib min isejjaħlu l-Innu Malti, imma dak l-isem kien validu meta Malta kienet taħt l-Ingliżi u allura f’kull okkażjoni uffiċjali kien jindaqq il-God Save, l-innu nazzjonali tal-Gran Brittanja.

Dak iż-żmien kellna għalxiex insejħulu innu Malti għax dak uffiċjali ma kienx Malti. Imma issa li aħna rajna f’idejna, għandna innu wieħed u dak huwa l-innu nazzjonali.

Dan il-kunflitt bejn il-God Save u l-Innu Malti jfakkarna fil-25 ta’ Marzu 1945 meta fl-Istadium tal-Gżira kienet se tintlagħab partita bejn tim imsejjaħ Malta XI u l-Hajduk Split tal-Jugoslavja. Il-banda militari Ingliża daqqet il-God Save biex jirrappreżenta t-tim Malti, imma n-nies madwar il-grawnd din m’aċċettawhiex.

Spontanjament, kif spiċċa l-God Save qabdu jkantaw “Lil Din l-Art Ħelwa”. Il-Gvernatur Ingliż Edmond Schreiber, li kien preżenti, xorta baqa’ bil-wieqfa sa tmiem l-Innu Malti. Min kien preżenti dakinhar jgħidlek li dik ix-xena tqajjimlek ġismek xewk xewk. U dwar dak l-inċident il-poeta Rużar Briffa ħareġ poeżija mill-isbaħ: Jum ir-Rebħ… bil-versi magħrufa “U l-kotra qamet f’daqqa u għajtet Jien Maltija… Miskin min ikasbarni, Miskin min jidħak bija!”

Smajna ħafna dwar Dun Karm waqt li dwar Robert Samut ftit smajna. Kien tabib mill-Furjana. Studja fl-universitajiet ta’ Malta u ta’ Edinburgh. Kien impjegat bħala tabib u kirurgu mal-militar Ingliż. Kien propju meta kien Edinburgh meta sħabu l-istudenti talbuh ikantalhom l-innu ta’ Malta. Kellu jgħidilhom li ma kellniex u minn hemm nibtet il-ħajra li jikteb melodija għal pajjiżu.

Permezz tad-Direttur tal-Edukazzjoni Albert Laferla, din il-melodija għaddiet għand Dun Karm Psaila li kiteb il-kliem.
L-innu nazzjonali ndaqq għall-ewwel darba għall-pubbliku waqt kunċert fit-Teatru Manoel. Dak iż-żmien l-innu kien jindaqq biss fiċ-ċerimonja tat-8 ta’ Settembru. Imbagħad fl-1936 is-Surmast Ciappara għamel arranġament għall-banda u ndaqq mill-banda King’s Own tal-Belt Valletta.

Illum l-innu nazzjonali jitkanta kuljum fl-iskejjel u jindaqq f’okkażjonijiet nazzjonali jew qabel attivitjaitet sportivi internazzjonali.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN