Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

L-Ipoġew

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Jinsab f’Ħal Saflieni, fin-naħa ta’ fuq ta’ Raħal Ġdid, fi triq komuni bid-djar tan-nies bħat-toroq l-oħrajn. Meta tarah minn barra, xejn ma tinduna x’hemm moħbi taħt l-art.

Il-kelma Ipoġew ġejja mill-Grieg u tfisser xi ħaġa taħt l-art. Dak ta’ Ħal Saflieni huwa sit ta’ dfin taħt l-art ta’ żmien il-pre-istorja. Jingħad li ndunaw bih fil-bidu tas-seklu għoxrin waqt xogħol ta’ kostruzzjoni iżda x-xogħol tkompla xorta. L-iskavi xorta nbdew minn qassis, Dun Manwel Magri. Iżda dan miet ftit wara u n-noti li kien ħa, ma setgħux jinstabu. Imbagħad kompla x-xogħol Sir Temi Zammit.

Dan l-Ipoġew huwa kumpless ta’ kmamar maqtugħin fil-blat. B’differenza minn siti oħrajn, dan mhux imħaffer f’livell wieħed iżda fih tliet livelli differenti. Huwa maħsub li intuża għal ħafna sekli, bl-aktar żmien imbiegħed imur lura xi 4 sekli qabel Kristu.

Il-livelli differenti kellhom għanijiet differenti. Dak ta’ fuq huwa magħmul minn kamra prinċipali b’oħrajn maġenbha fejn kien isir id-dfin. Huwa maħsub li uħud minn dawn il-kmamar kienu oriġinarjament għerien li komplew tħaffru iktar biex jiġu kmamar.

Il-livell tan-nofs fih diversi kmamar. Kien f’dan il-livell li kienet instabet il-figura ikonika tal-mara ħoxna mimduda. Hawn insibu wkoll diversi tpinġijiet fuq il-blat magħmulin b’tip ta’ tafal ħamrani. Dawn id-disinji komplew jgħinu lill-arkeoloġi fl-iskoperta tal-post. F’dan il-livell hemm ukoll kamra li fiha akustika perfetta.

Fit-tielet u l-aktar livell ‘l isfel ma nstabu ebda fdalijiet ta’ dfin. Huwa maħsub li hemm isfel kien jintuża biex jinħażen jew l-ilma inkella l-qmuħ.

Eluf ta’ nies żaru dan l-Ipoġew matul is-snin. Sfortunatament saret ħafna ħsara lill-blat u lit-tpinġijiet għal ħafna raġunijiet u allura kien hemm bżonn ta’ azzjoni kbira. Għalhekk il-post għamel 10 snin magħluq sakemm sar il-proċess ta’ konservazzjoni u restawr, leali kemm jista’ jkun lejn l-ambjent oriġinali u l-għan ewlieni tas-sit.

L-Ipoġew huwa ġawhra nazzjonali u llum huwa miftuħ għal numru ristrett ta’ persuni, biex igawduh ukoll ta’ warajna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN