Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

L-Irwiegel

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Diffiċli tbassar il-ġejjien. Issib min jipprova b’mod ġeneralizzat imma l-futur ħadd ma rah, u allura ħadd ma jista’ jimmaġinah. Fil-mistier tagħhom il-bdiewa jeħtieġu jkunu jafu t-temp li se jġib il-ġejjien. Dan minħabba li jridu jippjanaw iż-żergħa tagħhom bil-quddiem biex la jinħlew f’xogħol għalxejn u lanqas jitilfu frott u uċuħ li jagħtu l-ħobża ta’ kuljum lill-familji tagħhom. Speċjalment fi żmien meta la kien jeżisti drip irrigation u trasport ta’ ilma b’effiċjenza bħalma nsibu llum, il-bdiewa tar-raba’ saqwi, u aktar u aktar tal-bagħli kienu jitilfu wisq jekk ma jagħmilx l-ilma meta jeħtiġuh.

Fl-imgħoddi kont issib bdiewa li jemmnu ħafna superstizzjonijiet dwar meta se jagħmel l-ilma, imma dawn mhux dejjem jirnexxu. Metodu li kien komuni u popolari ħafna fost il-bdiewa huwa dak tal-irwiegel. Il-kelma rwiegel ġejja minn
riegli jew regoli. Kont issib min jemmen, u għadek issib sa llum, li fl-aħħar tnax-il ġurnata qabel il-Milied it-temp jirrifletti l-elementi fit-tnax-il xahar tas-sena l-ġdida. Jiġifieri kienu jibdew minn Jum Santa Luċija, it-13 ta’ Diċembru u jibqgħu għaddejjin sa Lejlet il-Milied; it-13 ifisser it-temp ta’ Jannar, l-14 Frar u tibqa’ għaddej hekk sal-24 li jfisser Diċembru tas-sena l-ġdida.

U kienu jinnutaw it-temp siegħa siegħa biex mhux biss jaraw dak li se jiġri fil-bidu tax-xahar, nofsu u lejn tmiemu, imma kemm jista’ jkun ikollhom stampa tal-ġranet kollha. Minn hemm il-bdiewa kienu jippjanaw il-ħidma tagħhom għax ibassru jekk f’kull żmien hux se jagħmel ilma, jew inkella riħ jew nixfa.

Issib min jaħlef b’dan il-metodu. U lill-bdiewa tilgħabilhomx għax it-temp huma u s-sajjieda jifhmu ħafna fih. Issib imbagħad min jgħidlek li ġieli t-tbassir ma jsirx sew minħabba li l-bniedem bagħbas mhux ħażin mal-klima.

Matul is-sena imbagħad isib ħafna li jbassru l-ġranet li jkunu ġejjin billi jħarsu lejn il-qamar. Jekk ikun ċar ifisser mod, jekk ikun imdaħħan ifisser mod ieħor.

Illum issib mezzi teknoloġiċi moderni, u anki dawk ġieli ma jaqtgħux…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN