Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Iskarpan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ir-riħa għand l-iskarpan ma tintesiex. Illum ftit għad fadal skrapan iżda r-riħa ta’ ġlud u l-kolla mħalltin flimkien ma ssibha mkien aktar. Jgħidu li aktar lura fiż-żmien l-iskarpan ma kienx biss isewwi u jraqqa’ ż-żraben imma saħansitra kienu jagħmlu ż-żraben mill-bidu.

Fl-imgħoddi li jkollok żarbun kienu turi klassi soċjali… turija li dak li jkun għandu l-flus. Anki f’pajjiżna kien hawn min kien litteralment ħafi. U niftakru x-xjuħ tagħna jgħidu li kien hawn min kien joħroġ b’żarbuna waħda… biex jaqsam il-par ma’ xi ħadd minn ħutu. Mhux faċli timxi ħafi barra imma jekk ma jkollokx, ma kienx hemm mod ieħor.

Fl-antik l-iskarpan kien jaħdem għas-sinjuri… imorru biex ikejjel is-saqajn, jiddeċiedu liema ġilda se juża u jħit kollox bl-idejn; punt punt bla ebda magni sakemm joħroġ par żarbun mill-ifjen. Maż-żmien bdew ġejjin il-magni u x-xogħol beda jeħfief. Kien hemm ukoll gruppi ta’ skrapan li ngħaqdu flimkien u bdew jinħolqu l-fabbriki taż-żraben. B’hekk il-prezz taż-żraben beda jorħos u aktar nies setgħu jixtru par. Maż-żmien bdew anki joħorġu tipi ta’ ġlud artifiċjali u aktar irħas u b’hekk il-preżenza taż-żraben fis-saqajn bdiet tiżdied aktar.

U allura x-xogħol tal-iskarpana beda jsir aktar it-tiswija u t-traqqiegħ milli t-tfassil taż-żraben mill-bidu. Ħafna minn dawn l-iskarpana, minkejja t-teknoloġija u l-apparat, xorta kienu jsibuhom komdi jagħmlu l-biċċa l-kbira ta’ xogħlhom bl-idejn: jaqtgħu il-ġilda, jidilku l-kolla riħa qawwija ta’ spirtu bil-pinzell, ifasslu xi suletta jew xi qiegħ ta’ takkuna tal-lastku li jsammruha bit-taċċi jew inkella jħitu. F’ċerti postijiet taż-żarbun kien faċli jħitu bil-maġna imma f’postijiet oħrajn anki l-ħjata riedet issir bl-idejn.

Ħafna mix-xogħol kienu jagħmluh fuq forma ta’ sieq tal-ħadid rasha ‘l isfel. Jintlibes iż-żarbun fuqha u jinbeda x-xogħol. Meta tieħu żarbun għand l-skarpan kien jagħtik biljett b’numru fuqu. Biljett ieħor bħalu kien ipoġġih fuiż-żarbun biex jagħrfu meta jkun lest u tmur għalih.

Sfortunatament fil-lingwa nużawil-kelma skarpan anki b’mod negattiv. Meta xi ħadd ma jafx jagħmel xogħlu, ngħidu li qisu skarpan. Imma din tixbiħa bla sens. Għax il-professjoni tal-iskarpan teħtieġ sengħa kbira u ħasra li ftit ftit dis-sengħa qed tintemm għal kollox.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN