Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Iskola

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Daqqa konna nibdew lejn nofs Settembru, daqqa lejn l-aħħar ġimgħa tax-xahar u ġieli fl-ewwel t’Ottubru, skont liema skola kona nattendu. Imma tibda meta tibda, l-emozzjoni dejjem kienet l-istess: xiri ta’ pitazzi, kisi ta’ pitazzi u kotba, labels bl-isem tal-istudent u tas-suġġett u jekk tkun xortik tajba xi bagalja ġdida. Din mhux kulħadd seta’ jkollu għax il-maġġoranza konna nirtuha mingħand ħutna ikbar
minna.

L-iskola… x’tifkiriet. Tidħol l-ewwel ġurnata tas-sena skolastika bil-kurżità ta’ min jkun jew tkun l-għalliem jew għalliema. Fil-Primarja kien ikollna għalliema wieħed jew waħda waqt li fis-sekondarja kien ikollna ħafna, kollha jgħallmuna suġġett differenti. U arana kif immorru lura d-dar infaħħru jew inmaqdru lil min għoġobna jew le.

Fl-ewwel ġurnata, filgħodu kulħadd kien ikun pupilla għall-iskola. L-ingravata kienet tkun pulita qisna sejrin xi tieġ… maż-żmien issir qisha ħabel bla sura. Il-ħwejjeġ kienu jkunu puliti, nodfa, mgħoddijin u sa tmiem il-ġurnata jibqgħu hekk. Imma kif jibdew igerrbu l-ġranet, bejn filgħodu u x’ħin immorru lura lejn id-dar, l-uniformi bilkemm tagħrafha.

Ma nistax ninsa l-fwieħa tal-bziezen imgeżwrin f’biċċa karta strazza li kienet tagħtini ommi. U mhux tiegħi biss għax x’ħin il-klassi kollha kienet tiftaħ il-lunch, il-kamra kienet tinqasam bil-fwieħa ta’ ħobż frisk. U xi ngħidu għall-ħalib li kienu jagħtuna? Tifkiriet sbieħ hux.

Imma mhux kollox kien sabiħ. Fi żmieni uħud mill-għalliema kienu, bħala korrezzjoni, jagħtuna bir-riga. U ta’ ċerti għalliema r-riga kienet ikbar minn tal-oħrajn. Jien kont naqla’ ħafna daqqiet, il-biċċa l-kbira għax inparla wisq. U kelli s-Sur Vella Borg kellu ħabta jaqbadlek idek u jdawwarha sakemm tispiċċa fl-art twaħwaħ. Imma kienet xi ħaġa aċċettata. Ħadd ma kien isemmi drittijiet tal-istudenti jew tat-tfal. Ma jfissirx li kollox kien ħażin, imma qisna minn estrem morna għall-ieħor. Niftakar meta mort Sant Agata għas-sekondarja, ma kienu jsawtuna qatt. Imma r-rapporti kull xahar tiegħi bir-riżultati dejjem kien ikollhom l-istess frażi fil-kummenti; Very talkative!

Imma kien żmien sabiħ.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN