Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

L-Isla

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Mhix xi belt kbira. Mill-bieb tal-Isla sal-Gardjola fit-tarf l-ieħor tittawwal fuq il-Port il-Kbir mhux żgur hemm kilometru.

Imma hija waħda mit-tlett ibliet tal-Kottonera lejn ix-Xlokk tal-belt Valletta, li jżejnu l-isbaħ xenarju fuq il-baħar mill-Barrakka ta’ Fuq.

Tissejjaħ l-Isla għax darba kienet gżira, isola bit-Taljan, imma ingħaqdet mal-bqija tal-art meta nbnew is-swar għad-difiża tal-Kottonera kollha.

Minbarra l-Isla hija magħrufa wkoll bħala Senglea, għall-Gran Mastru Claude de la Sengle li bniha, kif ukoll Città Invicta minħabba li rnexxielha tirreżisti l-invażjoni tal-Misilmin matul l-Assedju l-Kbir tal-1565.

L-Isla hija marbuta mal-Madonna, partikolarment it-twelid tagħha, il-Bambina li l-parroċċa hija ddedikata għaliha.

Hemm leġġenda dwar l-istatwa tal-Bambina li tgħid li nstabet f’wiċċ l-ilma maġenb l-Isla wara li l-ġifen li kienet fuqu għadda minn tempesta qalila fis-seklu 17.

Jingħad li meta fl-1813 il-poplu tal-Isla ħelisha mill-pesta, bi gratitudni twaqqfet statwa tal-Madonna f’nofs it-triq prinċipali u baqgħet magħrufa bħala l-Madonna tan-Nofs. Maż-żmien, biex jgħaddi t-traffiku, din l-istatwa tpoġġiet f’misraħ mal-ġenb.

Il-knisja prinċipali tal-Isla saret bażilika fl-1921. Fl-istess sena l-istatwa kienet inkurunata quddiem folla enormi ta’ nies li ħonqu l-wesgħa tax-xatt fl-4 ta’ Settembru.

Għal dik iċ-ċerimonja kienet ġiet mislufa tribuna kbira mill-parroċċa ta’ Ħal-Lija. Bħala gratitudni, l-Kapitlu Senglean ta plakka tal-fidda biex tibqa’ tifkira tal-inkoronazzjoni. Illum dil-plakka għadha mwaħħla ma’ waħda mill-kolonni tat-tribuna.

Iżda fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-bażilika kienet imġarrfa, kif ġralha parti kbira minn din il-belt meta mietu ħafna ċittadini.

Fl-1942, l-HMS Illustrious sorġiet fid-daħla ta’ Kordin, qrib ħafna tal-Isla. Il-bumbardamenti fuqha mill-ajruplani Ġermaniżi ma waqfux għal sigħat twal u l-ħsara u l-imwiet kienu enormi.

Maż-żmien il-bażilika reġgħet inbniet, f’forma differenti u llum minbarra li jżuruha n-nies minħabba l-Bambina, iżuruha ħafna ħafna nies minħabba l-istatwa mirakoluża ta’ Ġesù Redentur li tinsab fl-oratorju tal-istess tempju.

Ta’ min isemmi qaddis ieħor. San Ġwanni Pawlu II kien niżel fl-Isla wara vjaġġ minn Għawdex f’Mejju tal-1990.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN