Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Istadium tal-Gżira

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Qabel inbena l-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, il-futbol fl-ogħla livell kien jintlagħab fuq ir-ramel fl-Istadium tal-Gżira. Dawk li ma jiftakruhx, forsi jinnutaw ħajt mhux għoli wisq fuq naħa minnhom matul Rue d’Argens fil-Gżira li snin ilu kien ikollu l-attenzjoni tal-isportivi kollha fuqu.

L-Empire Sports Ground fil-Gżira fetaħ f’Novembru tal-1922, proprjetà tal-Baruni Testaferrata Moroni Viani, fil-post fejn fl-Ewwel Gwerra Dinjija ir-Royal Air Force kellha l-Balloon Station. Fil-ftuħ intlagħbet partita bejn MFA XI u HMS Ajax. Dan il-grawnd kien ħa post il-Mile-End Football Ground tal-Ħamrun fejn
sa dakinhar kien jintlagħab il-futbol mill-Maltin.

Fis-snin tletin, il-grawnd oriġinali twaqqa’ u nbena stadium aktar modern; l-Empire Stadium. Kien stadium attrezzat mhux għall-futbol biss. Fih kienu jsiru t-tlielaq tal-klieb, boxing, atletika u ċikliżmu fost oħrajn. Kien fih anki teatru fuq naħa minnhom u maż-żmien anki l-Karnival u ċ-ċirku kienu jsiru hemm
ġew.

Minbarra l-kampjonati u t-tazzi diversi li ntlagħbu hemm, kien isir b’mod regolari t-Tournament tal-Milied li fih klabbs kbar barranin kienu jiġu fil-klima inqas kiesħa ta’ Malta u jilgħabu kontra timijiet Maltin.

Kien propju fl-iStadium tal-Gżira li t-tim nazzjonali Malti lagħab l-ewwel partita tiegħu. Kien l-24 ta’ Frar 1957 meta fl-ewwel partita internazzjonali tiegħu, it-tim ta’ Malta tilef kontra l-qawwa tal-Awstrija bl-iskor ta’ 2-3. Dakinhar għal Malta kienu skurjaw Tony Cauchi ta’ Floriana u Sammy Nicholl ta’ Sliema.

Kien hemmhekk ukoll fejn il-klabbs Maltin bdew jieħdu sehem fit-tazzi Ewropej. Fost il-klabbs rinomati li rajna jilgħabu f’dawn il-kompetizzjonijiet kontra timijiet Maltin insemmu lil Real Madrid u Barċellona ta’ Spanja; lil Juventus u Inter tal-Italja; lil Manchester United, Leeds United u Ipswich Town tal-Ingilterra, Celtic ta’ Skozja u Red Star tal-Jugoslavja fost qawwiet oħrajn.

Fl-1965 inqalgħet kwistjoni bejn is-sidien u l-MFA u għal staġun wieħed il-logħob sar f’Manoel Island, fosthom partita internazzjonali kontra l-Libja fi Frar 1966. Mill-istaġun ta’ wara kollox reġa’ lura lejn il-Gżira.

Imma dan kollu ġie fi tmiemu meta l-Gvern Malti bena stadium bil-pitch tal-ħaxix bħal kull stadium ieħor fid-dinja. Fid-29 ta’ Novembru 1981, il-futbol Malti ħalla l-wiċċ tar-ramel fil-Gżira u beda jintlagħab f’Ta’ Qali.

Illum l-Istadium tal-Gżira ilu mitluq għexieren ta’ snin u min jittawwal ġewwa jara biss telqa, ħaxix għoli u anki siġar taż-żebbuġ f’nofs pitch li ra l-aqwa esponenti ta’ żmienu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN