Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Istaġun tal-Fanfri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kultant aħna l-Maltin għandna ħabta naraw kbir. Naħsbu li pajjiżna huwa ċ-ċentru tad-dinja, tal-univers, li kulħadd iridna taħt idejh.

Allaħares kellna xi armata tħabbatha ma’ xi potenza kbira għax kieku min jaf kemm naraw lil ħaddieħor dubbien! Għax hekk hi n-natura; aktar ma tkun żgħir aktar tixtieq u timmaġina li int kbir. Bħal kelb tal-but quddiem xi alsatian. Għiduli min minnhom ikun prużuntuż u jkollu
l-aktar arja.

U immaġina kieku nsibu ż-żejt… kemm naħsbu li m’aħna bżonn ħadd! Kieku lanqas turisti ma nħallu jiġu għax joħduhulna. Arana eh! Kulħadd b’xi sigarru daqshiex, kappell tal-cowboys u bid-dollari jaqgħu mill-but.

Jew min jaf kieku kellna xi tim nazzjonali dejjem fil-finali tal-Tazza tad-Dinja! Mhux għax il-plejers tagħna ma jagħmlux ħilithom. Għax aħna żgħar. Imma kieku ara kemm niffanfraw bit-tim tagħna! U aħna nitilfu u ngħidu li tlifna bl-unuri, aħseb u ara kieku nirbħu dejjem!

Għax f’pajjiż zgħir bħal tagħna, l-fanfri mhux fil-baħar jew fuq il-platt biss issibhom. Isma’ lil min jiftaħar li fir-raħal għandhom l-isbaħ vara, jew xi waħda tiftaħar bil-libsa tat-tieġ ta’ bintha… u li l-ħajjata mhix se tagħmel oħra bħalha, u li kellhom mistednin fuq elf, u li tal-video qalilhom li qatt ma ra tieġ bħal tagħhom u aktar u aktar. Inkella mur isma’ lil xi kaċċatur jew sajjied meta jibda jiftaħar kemm ra ħuta jew tajra rari, u kemm irnexxielu jagħmel qabda kbira f’darba!

Kultant niddubita jekk il-Ħallieq għamilx xi premura waqt il-ħolqien biex din Malta tagħna tkun ċkejkna kemm jista’ jkun. Ma naħsibx li kellu għażla oħra.

Jista’ jkun li beża’ li jekk inkunu ikbar kapaċi nħassrulu dak kollu li għamel fis-sitt ijiem qabel straħ. Induna li dal-ġens mogħni b’ħafna talenti pożittivi għandu wisq fanfri jiġru fuq l-art.

Għax hawn l-istaġun tal-fanfri ma jiġix biss fi żmien il-lampuki, imma tnax-il xahar fis-sena, 24 siegħa kuljum.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN