Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Istoriċi Qalulna Kollox?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Xi kultant, int u taqra l-istorja ta’ Malta u Għawdex, tibda taħseb kemm l-istoriċi tagħna ma qalulniex kulma kellhom jgħidulna. Kien għalxejn li tarrfulna ħafna dettalji ta’ kif kienet il-ħajja f’dawk iż-żminijiet,mingħajr ma qalulna kif u għaliex kien jirnexxilhom jgħixu hekk.

Nafu li żmien ilu kien hawn il-ġganti u bnew tempju b’ħaġriet enormi fuq il-Gżira ta’ Kalipso. Iva allura l-istoriċi sa hemm biss kienu kapaċi jaslu? Ma qalulniex kif in-nies lokali kienu jwellduhom lill-ġganti?

Kieku ma tafx kif, jaħasra, forsi kien ikollna xi erbgħa twal għal mat-tim nazzjonali, biex kultant nibdew nieħdu xi ballun bir-ras. Mhux qisna tappijiet ħdejn il-plejers barranin!!! Imma la ma qalulniex, ma hemmx x’tagħmel wisq.

Jgħidulna li l-Konti Ruġġieru kien wasal ġo bajja mwarrba u rnexxielu jitla’ mal-blat biż-żwiemel b’kollox u b’kull min ġab miegħu. Naturalment riedu jidħlu bil-moħb tal-ħakkiema Għarab li kien hawn dak iż-żmien. Jgħidu li l-wasla tal-Konti seħħet f’Miġra l-Ferħa, post li jekk ma tkunx taf bih bilkemm issibu.

Imma l-iġfna li ġie bihom il-Konti, minn fuq il-ftuħ tal-baħar, kif sabu dak il-post moħbi bla ma kellhom GPS? Jew kellhom xi sistema avvanzata u l-istoriċi reġgħu ħbew minna?

Jgħidulna wkoll li waqt l-Assedju kontrina mill-Imperu Tork, l-antenati tagħna tefgħu iż-żejt minn fuq is-swar. Allura min kiteb l-istorja dan biss qalilna? Messu kien raġel iżjed jekk veru jħobb lil pajjiżu!

Għax ma qalilniex ukoll min fejn kienu jġibuh iż-żejt? Kemm ili ħaj dejjem niftakar li f’dal-pajjiż inħaffru t-toqob ’l hemm u ’l hawn fil-baħar u ġieli fl-art, u qatt ma sibna żejt. Nisimgħu li niżlu xi erba’ kilometri, imbagħad li ġie awtoriżżat lilhom li jinżlu ftit ieħor u ħlief xi traċċa żejt maħruqa tal-karozzi ma nsibux.

Jekk ma għadx ninżlu żżejjed… u hemm taħt niltaqgħu ma’ Belżebub. Dak żgur jaqlina f’żejtu!! Insomma kollu tort ta’ l-istoriċi, għax dawk dejjem nofs kliem.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN