Bonġu Kafè
Lokali

La Ħażin u Lanqas Selvaġġ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fil-kampanja tagħna, b’mod speċjali fir-rebbiegħa, tara ħafna pjanti jikbru ‘l hemm u ‘l hawn li ma jkunx żeragħhom jew ħawwilhom il-bniedem. Huma l-aktar pjanti u fjuri li jħossuhom komdi fil-klima u l-art tagħna, għax fil-fatt m’għandhom bżonn ebda għajnuna mill-umani, jinbtu, jikbru u jxettlu waħedhom, b’mod mill-aktar naturali.

Ix-xorti ħażina hi li l-bniedem, forsi għax ma jiddependux minnu, isejħilhom ħaxix ħażin jew fjuri slavaġ. Fil-fatt la huma ħżiena u lanqas slavaġ. Il-bniedem ibexxhom biex jeqridhom għax forsi ġieli jirkbu fuq il-prodotti li jrid ikabbar hu jew fejn ma jridhomx, imma fil-fatt jagħmlu l-ġid anki lill-istess bidwi. Per eżempju dawk li nsejħulhom fjuri slavaġ iġibu magħhom kwantità ta’ naħal li mbagħad idakkar il-fjuri tal-pjanti li jiżra l-bidwi biex jagħtuh il-frott. Jiġifieri dawk li nħobbu nsejħulhom “slavaġ” huma fil-fatt importanti ħafna anki għall-ekosistemi li jdawruna u li nieklu minnhom.

It-terminu “ħaxix ħażin” huwa żbaljat għal kollox. Il-bniedem beda jsejħilhom hekk għax ma kienx jiekol minnhom. Imma xorta nsibu ħaxix li nsejħulu ħażin li jittiekel. Wieħed jista’ jsemmi s-selq li fi żmien il-gwerra kienu jsajruh bħal spinaċi. Insemmu l-bużbież li għadna nużawh sa llum u l-patata l-forn ma tiġix tajba daqs is-soltu mingħarju. L-istess il-ħlewwa, il-fjura tal-fidloqqom, iz-zokk tal-qarsu u għadd ta’ ħxejjex oħrajn.

Hemm imbagħad “ħaxix ħażin” li nstab li hu mediċinali. Kultant ma nagħtux kasu għax insibuh maġenb saqajna f’xi mogħdija u ma nkunux nafu x’ġid jista’ jagħmlilna anki għal saħħitna. Ġieli nixtru prodotti ta’ barra li jkun fihom minn dawn il-ħxejjex “ħżiena” li jikbru madwarna bla ma nkunu nafu. Per eżempju l-ħobbejża tintuża f’teabag partikolari biex innaqqsu l-piż… nixtru prodott ta’ barra b’xi ħaġa li tikber waħedha f’artna wkoll.

Meta neqirdu dan il-ħaxix ħażin u fjuri slavaġ, inkunu qed nheddu ħlejjaq oħrajn li jgħixu biss fuqhom u fl-istess ħin neqirdu l-ġmiel tal-kampanja tagħna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN