Bonġu Kafé
Kurżitajiet

La Valette

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Baqa’ l-aktar Gran Mastru famuż fl-istorja ta’ Malta. U dan għaliex kien l-eroj li mexxa r-rebħa tal-Assedju l-Kbir li għamlilna l-Imperu Tork. Jismu propja Jean Parisot de la Valette u dam 11-il sena jmexxi l-Ordni ta’ San Ġwann u lil Malta.

Imwieled minn familja nobbli fi Franza, huwa daħal fl-Ordni Ġerosolmitan taħt il-lingwa ta’ Provenza meta kellu xi 20 sena u qatt ma mar lura pajjiżu. Fil-familja kellu membri oħrajn li kienu ġġieldu fil-kruċjati. L-aktar li nafu dwar Jean Parisot huwa s-sehem tiegħu fl-Assedju, imma l-ħajja tiegħu fl-Ordni ma kinitx dejjem ward u żahar. Kien għamel 4 xhur ġo ħabs f’Għawdex wara li kien attakka raġel. Darba oħra, waqt battalja navali abbord il-bastiment San Giovanni, il-ġifen kien inħataf mill-għadu u kien spiċċa ma’ oħrajn skjav jaqdef taħt il-kmand ta’ Dragut.  Dam biss sena għaliex kien parti minn bdil ta’ skjavi bejn iż-żewġ naħat.

Maż-żmien La Valette  ħa f’idejh il-kmand tal-flotta tal-Ordni, kariga li s-soltu kienet okkupata mill-Kavallieri Taljani, imma hemmhekk għamel isem li wasslu biex meta miet il-Gran Mastru Claude de la Sengle, il-Kavallieri eleġġew lil La Valette Gran Mastru, anki bil-ħsieb li l-Imperu Tork kien qiegħed jipprepara attakki ġodda kontra l-Ordni u kontra Malta.

La Valett organizza d-difiża madwar il-gżejjer Maltin biex meta waslu l-forzi tal-għadu, f’numri ħafna ikbar minn dawk disponibbli lokalment, it-Torok sabu lil pajjiżna lest għalihom. L-istorja nafuha… bdiet bit-telfa ta’ Sant Iermu imma spiċċat bir-rebħa mnebbħa kemm mill-istrateġija ta’ difiża, kif ukoll mill-ġlieda militari tal-imħuħ.

La Valette jibqa’ msemmi għall-bini tal-belt Valletta, biex jagħti lil Malta fortifikazzjoni kbira oħra fil-każ ta’ assedju ieħor. B’hekk il-port ewlieni tagħna ġie mdawwar kollu kemm hu b’fortifikazzjonijiet li jħarsu lil gżiritna.

Il-Gran Mastru ma kellux ix-xorti jgħix biex jara lil beltu lesta, imma jibqa’ l-ikona li bnietha u li tatna il-belt kapitali ta’ pajjiżna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN