Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Lanċa Ġejja …

Waqt il-Kafè … ma’ Joe Julian Farrugia

 

Qabel beda t-trasport pubbliku fuq l-art permezz tal-karozzi tal-linja, xorta dejjem kien hemm bżonn ta’ mod kif tasal minn naħa għall-oħra tal-portijiet madwar il-Belt Valletta.

L-iżvilupp u ż-żieda tar-residenti f’Tas-Sliema u l-pożizzjoni tat-Tarzna f’nofs it-tlitt ibliet kien il-fattur ewlieni għala kienu bdew jitħaddmu l-laneċ fiż-żewġ portijiet.

Kien hemm żewġ servizzi minn kumpaniji differenti. Waħda tal-kumpanija Gollcher kienet tieħdok minn maġenb id-Dwana fil-Port il-Kbir lejn il-Kottonera b’waqfa fl-Isla u oħra fil-Birgu.

L-oħra, fuq in-naħa l-oħra tal-Belt kienet tal-kumpanija ta’ Mattei u kienet twassal minn Marsamxett lejn ix-xatt ta’ Tas-Sliema b’waqfiet fl-Imsida u tal-Pieta.

Min kien jasal il-Belt mill-Kottonera kellu l-kumdità tal-lift biex jitla’ fi ftit minuti sal-Barrakka ta’ Fuq, imma dawk li jaslu Marsamxett kien ikollhom jitilgħu it-tlajja’ b’saqajhom anki fis-sħana tas-sajf.

Iż-żewġ servizzi bdew lejn tmiem is-seklu dsatax u damu sa ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan is-servizz tant kien indara mill-poplu li l-attur komiku u kittieb Armando Urso kiteb makkjetta u ppubblikaha fil-ktieb tiegħu Kantaw Miegħi dwar il-lanċa bejn Marsamxett u Tas-Sliema.

Hija taqbila ħelwa li titkanta fuq xi melodija Taljana u l-ewwel żewġ strofi tal-oriġinali kienu hekk:

Lanċa ġejja w oħra sejra
Minn Tas-Sliema għal Marsamxett
Il-kaptan iġiblek għira
Jidderieġi l-bastiment.

F’nofs ta’ vjaġġ tisma’ l-orkestra
Li komposta minn vjolin,
Bejn ċaqliq, stunar, minestra,
Jibda jħossok ftit ħażin.

Din it-taqbila ingħoġbot iżda maż-żmien in-nies bidlet xi kliem u l-aktar verżjoni popolari kienet saret hekk:

Lanċa ġejja w oħra sejra
Minn Tas-Sliema għal Marsamxett
Il-kaptan bil-pipa f’ħalqu
Jidderieġi l-bastiment.

Sewwa sewwa f’nofs ta’ baħar
Il-kaptan ħassu ħażin,
Ma kellux min idur miegħu
Daru miegħu il-baħrin

Għamillu karta, għamillu karta
Għamillu karta għal tax-xjuħ.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN