Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Lil San Luqa Nqasnieh?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-ġrajja fil-Bibbja li ssemmi lil pajjiżna kitibha San Luqa. U jingħad li kienet esperjenza personali, mhux bħal ħafna ġrajjiet fil-Bibbja li nkitbu wara mijiet tas-snin. Jgħidu li Luqa kien fuq ix-xini ma’ Pawlu u allura kulma kiteb jaħlef għalih hu stess. U probabbli la Luqa, dixxiplu tan-Nazzarenu, kien fuq ix-xini

Ruman mimli ħabsin sejrin lejn Ruma, ma kienx hemm bħala ġurnalist biex isegwi u jirrapporta l-ġrajja ta’ sieħbu Pawlu. Kien hemm bħala ħabsi hu wkoll.

U allura dan ifisser li fin-nawfraġju mhux qaddis wieħed spiċċa fuq gżiritna, imma tnejn. Lil San Pawl nagħmlulu festa u kulħadd jieħu vaganza, imma lil San Luqa xejn. Kieku mhix idea ħażina kieku nibdew nieħdu żewġ vaganzi. Allura dan ifisser li lil San Luqa qegħdin nonqsuh?

Pawlu jibqa’ msemmi li ġab il-fidi lil Malta. Allura Luqa kien miegħu u ma ġab xejn? Forsi tajna importanza lil wieħed aktar mill-ieħor għax kien fejqilna lill-mexxej tal-gżira, missier Publju? Kollox jista’ jkun għax il-bniedem dejjem qabillu juri li qed jagħti importanza lill-mexxejja, politiċi jew le. U din oħra li Luqa messu ħa għalih fuqha. Hu jgħidu li kien tabib, u l-fejqan wettqu Pawlu. Imma dan probabbli sar biex jintwera li kien intervent divin. Ma nimmaġinax tabib ta’ llum jaċċetta fejqan quddiemu li hu ma jkollux sehem fih.

Jew forsi Pawlu baqa’ magħruf iktar għax ħeles mil-lifgħa? U allura dil-lifgħa ma setgħetx qabdet ma’ id Luqa minflok? Hekk jew hekk kienet tgħinu jsir popolari mal-Maltin. Imma la l-lifgħa kienet Maltija, fehmitha bħall-Maltin. M’hemmx x’tagħmel!

Kultant nistaqsi għala kliem Luqa “Kif ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta” qatt ma sfruttajnieh mat-turisti. Lanqas souvenir ma ssib bi frażi li poġġiet lil pajjiżna fost il-ftit imsemmijin fil-Bibbja. Imma mal-Maltin Luqa donnu ma qabadx art.

U biex ma nkunux inqasnieh għal kollox, bħala tabib kienu semmew sptar għalih… imma malajr bnew ieħor minfloku.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN