Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Lino Grech – it-tieni parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Lino kiteb ħafna u ħafna xogħlijiet. Se nsemmi biss ftit li jiftakruhom ħafna: dawn huma L-Għaxar Kmandamenti, Il-Ġuri Tagħkom, One Star Hotel, Ipokriti, Issa Naraw u l-iskript tal-film Il-Bniedem ta’ Kulħadd dwar Monsinjur Ġużeppi Depiro. L-ewwel parti ta’ F’Baħar Wieħed kien ħareġ fi ktieb waqt li Il-Ġuri Tagħkom kien ippubblikat bħala storjaritratti, ilkoll b’tifsira soċjali.

Ħasra li ġieli kien hemm nies, fosthom akkademiċi, li ma kienux jifhmu l-messaġġ soċjali ta’ Lino Grech, minkejja li kien jikteb b’mod sempliċi. Fi żmien Ipokriti kien hemm saħansitra għalliema u reliġjużi li kienu jċemplulu d-dar jgħajruh li qed jagħti eżempju ħażin lit-tfal. Dan kollu għax fl-istorja kien hemm relazzjonijiet bejn persuni minn żwiġijiet differenti u sitwazzjonijiet li, għal x’uħud, fi programmi barranin kienu jaċċettawhom, imma bil-Malti le!

Fil-kitba, Lino baqa’ juża’ t-typewriter sal-aħħar. Il-kompjuter qatt ma xegħlu. Wara x-xogħol, ta’ kuljum, kien jistrieħ ftit wara nofsinhar imbagħad iqum jikteb u ħallih itektek sat-tard. Meta rtira kien jikteb anki minn filgħodu.

Lino Grech kellu karattru mill-aktar umli. Kien jaf jiċċajta imma kellu limitu, u kunfidenzi mill-inqas. Kien reliġjuż u jħobb ħafna l-Ewkaristija. U bħalha kien iħobb ħafna l-familja. Kien kalm u d-drabi li taqbiżlu kienu jkunu ftit. Bħala ikel, kien jippreferi l-għaġin u ġieli sajjar hu wkoll. Anki meta kien jitla’ Għawdex ma’ sħabu, il-borma kienu jħalluha f’idejh. Xogħol fid-dar kien jagħmel imma miskin hu meta xi ħaġa ma tiġihx sew mal-ewwel għax martu u wliedu kienu dejjem pronti jaqbdu miegħu. Fil-futbol kien mal-Ingliżi, waqt li tnejn minn uliedu jżommu mat-Taljani. Lil Eric il-futbol ma jinteressahx.

Karatteristika ta’ Lino Grech kienet li jkellmek u ma tafx hux jgħidlek bis-serjetà jew biċ-ċajt. Jibqa’ serju u ma tafx hux jiġbidlek saqajk. Kien jagħmilha ħafna l-Posta meta kellu n-nies taħtu. Isejjaħ lil xi impjegat b’ħafna għajjat u storbju, dak li jkun imur quddiemu mwerwer, imbagħad ibaxxi leħnu u jgħidlu li jista’ joħroġ għall-brejk.

Darba waqt il-ġbid ta’ Simpatiċi, Lino għajjat ma’ ibnu Eric. Dak għolla l-iskript u telaq ‘il barra. Kulħadd baqa’ ssummat u ħadd ma kien jaf kif se jkomplu l-filmati mingħajru. Eric bagħat messaġġ lil missieru li qallu jdum ftit ieħor għax iċ-ċajta kienet qed titwemmen. Meta Eric ġie lura mar fuqu Hermann Bonaci jirringrazzjah li ġie. Minflok Eric qallu li ġie biex jagħtih il-ħwejjeġ u l-iskript għax se jieqaf għal kollox, ħabta u sabta f’nofs il-produzzjoni. Hermann kien qisu kelb mismut. Ħadd mill-atturi l-oħrajn ma tniffes. Imma kif Eric qabad it-taraġ biex jitlaq, hu u Lino ma felħux iżommu iktar u nfaqgħu jidħku. Naturalment kulħadd bagħathom jixxejru.

Darba oħra, waqt il-ġbid ta’ It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, Lino kien liebes ta’ Isqof u Mario Micallef ta’ qassis. F’ħin minnhom ħarġu barra għall-arja bil-kostum b’kollox. Tnejn min-nies li kien għaddejjin barra m’għarfuhomx u talbuhom il-barka. Lino kompla magħhom, berikhom u dar lejn Mario: “Se niksrilhom qalbhom jew?”

Iċ-ċajt ġieli sar fuq Lino wkoll. Meta l-karattru li ħadem waqt F’Baħar Wieħed, Pinu l-Pastizzar, miet, sħabu tal-Posta kienu waħħlulu kartellun mal-bieb tal-fergħa bil-kliem “B’Simpatija, l-Għaqda Pastizzara Maltin.” U Lino ma ndunax bih mal-ewwel, iżda nduna b’ħafna klienti deħlin imbissma.

Darba Lino kiteb dramm dwar Adeodata Pisani. Minħabba li s-sorijiet tagħha tal-Imdina huma tal-klawsura u ma setgħux imorru t-teatru jarawh, xtaqu li jsir id-dramm għal xi 10 sorijiet kollox fil-kunvent. U minkejja li f’kunvent u d-dramm kien serju, Mario Micallef xorta ried jagħmillu ċajta. Lino kellu għadd ta’ monologi indirizzati lil Mario. Imma dan tal-aħħar beda l-ħin kollu joħroġlu u Lino jibqa’ jitkellem waħdu. Imbagħad Mario jidħollu dejjem minn postijiet differenti. Minħabba li suppost kien qed jitkellem miegħu, Lino beda kull darba jdur ‘l hawn u ‘l hemm ifittex minn fejn se joħroġlu. U kulħadd beda jidħak. Fil-fatt, fl-aħħar monologu, mal-iskript żied il-kliem “Ħa nara minn fejn se joħroġ dan issa!”

Imma darba saritlu ċajta goffa u xejn ma ħa pjaċir. Fil-programm Paprati saritlu candid camera u xi ħadd ċempillu biex jiltaqa’ miegħu. Kif iltaqghu fi triq traffikuża, instemgħet sparatura u dak li kellu miegħu spiċċa fl-art mimli demm. Lino tatu rasu u ma ħadhiex tajjeb.
L-aħħar kitba tiegħu kien is-serje għat-televiżjoni Vittmi. Imma ddispjaċih li baqa’ ma nħadimx matul ħajtu.

Lino Grech miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 2013 fl-età ta’ 83 sena.

Minkejja li ma kienx akkademiku, ta lil Malta ħafna xogħlijiet ta’ drama li żgur sabu posthom fl-aqwa xkafef tar-repertorju tad-drama f’Malta… u dejjem b’tagħlima… kollha kitba ta’ Lino Grech.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN