Joe Julian Filgħodu
Lokali

Lino Grech – l-ewwel parti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Illum id-drama bil-Malti fuq it-televiżjoni mhix xi ħaġa rari. Għandna għażla bejn produzzjonijiet u stazzjonijiet differenti. Min isegwi wieħed, min isegwi ieħor u min jipprova jsegwi kollox. Iżda kien hemm żmien meta minn dawn ma kellna xejn. Konna nistgħu naraw biss teleserje barranin b’ilsna oħrajn. L-ewwel teleserje bil-Malti kitbu awtur li kien ukoll attur prinċipali fih. Dan huwa Lino Grech.

Lino Grech twieled f’Tas-Sliema nhar il-5 ta’ Novembru 1930, iben Philip u Nikolina mwielda Schembri. Kienu disat aħwa u tnejn minnhom kienu mietu żgħar. Ommu mietet meta kellu 13-il sena u Lino spiċċa joqgħod għand zija f’Ħal Qormi. Fi żmien il-gwerra, għamel xi żmien joqgħod is-Siġġiewi u kien iqatta’ ħafna ħin fir-raba’. Lura f’Tas-Sliema, huwa ħa l-edukazzjoni għand il-Freres fejn kien jieħu sehem regolarment f’attivitajiet ta’ drama mill-istudenti.

Lino deher għall-ewwel darba fuq il-palk fil-pubbliku ta’ 14-il sena fl-Oratorju tas-Sależjani f’Tas-Sliema. Kien jagħmel parti wkoll mill-kumpanija Star of the Sea tal-parroċċa ta’ Stella Maris taħt id-direzzjoni ta’ Dun Ġorġ Zammit u ma’ dawn ħadem f’ħafna swali madwar Malta. Ħadem għadd ta’ drammi fis-Sala De Porres, speċjalment xogħlijiet ta’ Ebejer.

Kien jaħdem u jidderieġi wkoll produzzjonijiet fis-sala tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Il-grupp tas-Sacro Cuor kien jidħol anki f’kompetizzjonijiet ta’ drama u rebħu għadd minnhom, speċjalment dawk li kienu jsiru għand il-Valletta Dramatic Company f’Ta’ Ġieżu. Lino ħadem u dderieġa ma’ ħafna kumpaniji u f’ħafna teatri.

Wara l-iskola beda jaħdem ma’ tapezzar imbagħad daħal mad-Dipartiment tal-Posta. Għall-bidu kien iqassam l-ittri bir-rota n-naħa tal-Isptar tal-Blue Sisters, imma maż-żmien laħaq fl-amministrazzjoni u beda jaħdem fuq ġewwa.

Lino żżewweġ lil Frances imwielda Sciberras minn Tas-Sliema wkoll u kellhom tliet subien: Joseph, Godwin u Eric. Godwin kien jirreċta ma’ tas-Sacro Cuor iżda waqaf żgħir. Min-naħa l-oħra, Eric beda jirreċta minn età żgħira u għadu għaddej sa llum.

Bħala attur, Lino ħadem f’ħafna produzzjonijiet, anki barranin. Ħadem fil-films internazzjonali Final Justice, Black Eagle u Ticket to Ride fis-snin tmenin. Ħadem ukoll fi produzzjonijiet barranin, fosthom ta’ Chekov, Miller u Lope de Vega. Uħud minn dawn ittraduċihom hu għall-Malti. Imma fuq kollox kien jikteb xogħlijiet oriġinali bil-Malti, kemm għall-palk kif ukoll għax-xandir. Huwa kiteb u ħa sehem fir-radjudrammi fuq ir-Rediffusion sa mill-1946.

Lino kien jikteb għall-popolin, stejjer soċjali u dejjem b’xi tagħlima. Iż-żmien li kien qatta’ fil-gwerra qalb in-nies tar-raba’ Siġġiwin, u xogħlu bħala pustier idur il-bibien ispirah dwar ħafna sitwazzjonijiet soċjali li kiteb dwarhom. Kien juża kliem sempliċi li jifhmuh il-klassijiet kollha u dejjem b’tifsira għal kulħadd.

Fis-snin sebgħin, Lino kiteb F’Baħar Wieħed għar-radju. Tant kien suċċess li fl-1976 Lino Farrugia ried jagħmlu teleserje, fi żmien meta teleserje bil-Malti qatt ma kien eżista. Lino Grech beża’ li din in-novità se tkun falliment u fil-fatt meta xxandar l-ewwel episodju telaq lejn Għawdex. Iżda bil-għajnuna tat-tim kbir involut, it-teleserje kien suċċess kbir u kien estiż sa 30 episodju.

Kull nhar ta’ Tnejn, meta kien jixxandar F’Baħar Wieħed, Malta kienet tkun baħħ għax kulħadd kien jinġabar quddiem is-settijiet tat-televiżjoni jsegwi. Minbarra li kitbu, Lino ħadimha ta’ Pinu l-Pastizzar, ir-raġel ta’ Ġoma, parti li ħadmet Gemma Portelli. Iben Lino, Eric, kien ħadmiha tat-tifel tal-ġara Sika. Fit-tieni skeda tas-serje, l-attur Josie Coppini kellu l-parti tas-Sur Nin. Fl-istorja, xi ħadd kien jgħajjar lis-Sur Nin li dejjem juża l-kappell għax kellu d-duda f’rasu. Il-poplu tant kien twaħħad mal-karattri li mhux l-ewwel darba li Josie kien ikun għaddej bil-ħajja tiegħu ta’ kuljum u jsib lil xi ħadd fit-triq jgħajjatlu; “Fejn hi d-duda Sur Nin?” Josie kien jiddejjaq u Lino ddispjaċih ħafna. Kien jaf li Josie bniedem tal-familja u ma ħaqqux hekk. Għalhekk Lino kien dawwar kemmxejn il-karattru tas-Sur Nin b’tali mod biex kulħadd beda jarah b’lenti differenti.

Jekk F’Baħar Wieħed kien it-tarbija ta’ Lino, Simpatiċi kien it-tieni tarbija. F’din il-produzzjoni ta’ Hermann Bonaci, Lino ta ċans lil ħafna atturi ġodda u kien l-ewwel xogħol għat-televiżjoni li fih ħadmu Lino u Eric flimkien. Lino kellu l-parti tas-Sur Callus filwaqt li Eric kien Gwido, impjegat fl-uffiċċju. Qabel kienu ħadmu biss għall-palk u Lino kien jirrabja ħafna meta Eric kien jiġbor l-atturi kollha wara l-kwinti joqgħod jgħidilhom iċ-ċajt u jtellef il-provi.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN