Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Lokalitajiet u Laqmijiet

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi kulħadd kellu l-laqam tiegħu. F’ċerti rħula għadek sa llum jekk tmur tistaqsi għal xi ħadd b’ismu ma ssib lil ħadd jafu, imbagħad tgħidilhom ta’ min jgħidulu u ssib li kulħadd kien jafu. Issib laqmijiet li ilhom ġejjin fir-razza mill-antenati u oħrajn li jinbtu mal-persuna partikolari, dejjem minħabba xi sitwazzjoni jew azzjoni li jkun għamel dak li jkun.

Anki l-bliet u l-irħula tagħna għandhom il-laqam tagħhom. Uħud minn dawn il-laqmijiet jingħoġbu minn dawk li joqgħodu fil-lokalità u oħrajn le.

Tal-Imsida jgħidilhom “TAL-ĦAMA”. Kulħadd jaf li f’kull maltempata kbira, l-ilma ta’ nofs Malta jġorr it-trabijiet u kulma jsib għal ġo din il-bajja. It-Tarxiniżi, imbagħad, jgħidulhom “TAR-REDUS”. Dar-raħal kien mimli merħliet tal-mogħoż u n-nagħaġ, u allura r-redus fit-triq ma stajtx taħirbu.

Raħal Ġdid huwa l-uniku raħal li semmew il-Kavallieri. Il-lokalitajiet l-oħrajn li semmew kollha bliet. Imma dar-raħal ma tantx sab min mar jiġri joqgħod fih minħabba l-ilma qiegħed viċin fejn illum hemm iċ-ċentru sportiv tal-Marsa. Għalhekk il-Gran Mastru De Paule ta inċentiv li min imur joqgħod Casal Paula jinħafirlu xi dejn li jkollu mal-Ordni. B’hekk il-Pawlisti jafuhom bħala “IL-MIDJUNIN”.

Minħabba li fl-imgħoddi fix-xtut tal-Marsa kien jinħatt ħafna faħam, il-Marsin nafuhom bħala “TAL-FAĦAM”. Aktar ‘il barra fil-Port insibu lil tal-Birgu li minħabba t-toqba li nsibu bħala passaġġ bejn ix-xatt u l-belt innifisha, saru magħrufin bħala “TAT-TOQBA”.

Insibu wkoll liż-Żabbarin magħrufin bħala “TAT-TUT” minħabba li hemm tikber l-aktar din il-frotta bnina, insibu li ta’ Ħal-Luqa mlaqqmin bħala “TAL-MAZZIT” għax dak ir-raħal kien magħruf ħafna għal dan l-ikel biż-żbiba fl-aħħar, u lill-Ħamruniżi jgħidulhom “TAS-SIKKINA” għax xi naqra fuq tagħhom u jġorru xi arma fuqhom. Imbagħad insibu lis-Slimiżi magħrufa bħala “TAL-PEPE” minħabba l-mod Taljanizzat kif kienu jsejħu lil missierhom xi seklu ilu.

Tal-Isla jgħidulhom “TAR-RIXA”, għax dawn, meta kienu jsajru xi dundjan jew ħasi, kienu joħorġu fil-gallarija r-rix tat-tajra li jkunu kielu biex jiftaħru x’ikla ta’ sinjuri kellhom. Hawn min jgħidilhom ukoll “TA’ ĊAĊU”, laqam li wkoll għandu x’jaqsam mal-ftaħir.
Il-Qriema magħrufin bħala “SA NOFSINHAR” għax wara xi lejl xogħol mal-furnata ħobż, f’nofsinhar jieklu ikla tajba, jlegilgu xarba nbid u jmorru jistrieħu biex ikunu f’saħħithom għal lejl ieħor jaħmu l-ħobż.

Liż-Żwieten jgħidulhom “TA’ SAQAJHOM ĊATTA”. Jingħad li meta ġie San Pawl fiż-Żejtun biss ma ridux jemmnu t-tagħlim tiegħu u ż-Żwieten bdew isabbtu saqajhom u ġrew warajh fit-toroq tar-raħal. B’hekk, jgħidu, li kull min jitwieled iż-Żejtun, jitwieled saqajh ċatti.
Il-Karkariżi mhux saqajhom għandhom ċatta. Jgħidu li meta bdew itellgħu il-qanpiena l-kbira fil-kampnar, waqgħu fuq il-warrani u bdew isejħulhom “TA’ SORMHOM ĊATT”.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN