Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Lura l-Iskola

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Lejn tmiem Settembru, sena wara l-oħra dejjem naraw il-ħwienet bazaar jew tal-istationery mimlijin sa ruħ ommhom bin-nies, jibqgħu miftuħin anki wara nofsinhar, ibiegħu affarijiet relatati mal-iskola fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida.

Tara tfal ma’ xi ħadd mill-ġenituri b’lista twila li jkunu tawhom l-iskola biex jixtru dak li se jiġu bżonn biex jitgħallmu: lapsijiet, biros, gomma, temprina, prostractor, triangli tal-plastik, kumpass, divider, pitazzi tar-rigi dojoq, tar-rigi wesgħin, tal-kaxxi għat-tpinġija, xi scrap books u xi covers tal-plastik ikkulurit jew xi brown paper jew tnejn skont il-bżonn.

Niftakar konna mmorru d-dar niksu l-pitazzi u xi kotba bil-brown paper biex jibqgħu puliti u nodfa. Konna nittempraw il-lapes sakemm ikollu l-aktar ponta tnigges. Imbagħad konna npoġġu l-affarijiet b’galbu fil-pocket jew pencil box tal-ħadid. U probabbli matul is-sena skolastika kollha, l-affarijiet qatt ma jerġgħu ikunu mpoġġija bil-galbu daqs dakinhar.

Fi żmienna l-affarijiet ma kinux bħal-lum. Illum kollox jinxtara ġdid qabel kull bidu tal-iskola. Qabel ċerti affarijiet konna nirtuhom jew tagħna stess mis-sena ta’ qabel, inkella mingħand ħutna ikbar minna. Niftakar jien qatt ma kellu pencil box jew pocket dictionary ġdid. Jien kont iż-żgħir u allura kont niret li jkunu użaw ħuti fis-snin ta’ qabel.

Imbagħad xi ngħidu għall-uniformi? Il-qmis bajda bajda, qalziet twil mgħoddi pulit bit-tinjiet kif suppost, l-ingravata u fis-sekondarja bil-blazer ukoll. Kollox pulit u nadif, trid seba’ għajnejn biex tħares lejhom… sakemm tibda l-iskola, għax ħafna jidħlu pinna u joħorġu żmattati, bil-qmis ħierġa minn hemm u minn hawn, l-ingravata kullimkien minbarra fin-nofs u l-qalziet qisu ilu ma jkun mgħoddi xi xahar u b’xi naqra trab ma’ kull fejn ikun intlaqat. Imbagħad xi għajta mingħand l-omm għax filgħodu bgħatitu qisu ġentlom u ġie lura qisu mar jaħdem xi għalqa.

Insomma kien żmien sabiħ; żmien li dak iż-żmien ġieli xtaqnih jgħaddi, imma wara mhux l-ewwel darba xtaqnih jerġa’ jiġi.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN