Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Malti Famuż f’Hollywood

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Twieled f’Malta u deher f’aktar minn 50 film ta’ Hollywood…iżda ftit Maltin jafu dwaru.

Joseph Calleja twieled fir-Rabat fl-1897. Ta’ 9 snin mietet ommu Elena u meta kiber missieru Pasquale riedu jsir inġinier, waqt li hu kien moħħu fil-mużika u l-palk.

Joseph mar l-Ingilterra ta’ 17-il sena u kien idoqq l-armonika u jkanta fil-kafeteriji. Missieru ma approvax u ma ppermettilux juża kunjomu. Minflok, Joseph beda juża kunjom nanntu; Spurin.

Joseph iltaqa’ ma’ xortih waqt traġedja. Fl-1917, kien qiegħed jivvjaġġa fuq vapur li għereq. Il-vapur li salvah inzerta kien sejjer l-Amerika u Joseph spiċċa f’din id-dinja ġdida. Kien jaħsel il-karozzi mal-lejl u darba sab aġent li tah parti f’kor ta’ musical. Minn hemm spiċċa fi Broadway u ħa sehem fl-aqwa rappreżentazzjonijiet.

Joseph sab l-okkażjoni jiġi Malta, u missieru nduna x’suċċess qiegħed jagħmel u tah permess jerġa’ juża kunjomu. Għalhekk iddeċieda li jibda juża l-isem ta’ Joseph Spurin Calleja. U l-kunjom Calleja kien jiktbu bl-ittra I minflok bil-J biex ikun pronunzjat sewwa bl-Ingliż.

Il-bidu veru ta’ karriera brillanti f’Hollywood wasal meta fl-1934 ħadem il-parti ta’ gangster fi Small Miracle fuq il-palk ta’ Broadway. Fis-snin tletin kienu popolari ħafna l-films tal-gangsters. Joseph ġibed l-attenzjoni tal-MGM li iżda talbuh iqassar ismu għal Joseph Calleja.

Huwa ħadem f’aktar minn 50 film. Kemm is-smurija tiegħu u l-aċċent fi kliemu kienu jgħinuh għal partijiet bħala xi Taljan jew Messikan. Fil-film Tough Guy, Joseph Calleja kien jeħtieġlu jkanta xi ħaġa, tkun xi tkun, u għażel strofa minn għanja Maltija.

F’Malta l-knisja ħaditha qatta bla ħabel kontrih. Bewsa li Joseph bies lil Mae West qanqlet ħafna paroli għax l-artista Amerikana kienet meqjusa simbolu tas-sess. Joseph kellu ħuh qassis, Kien jibgħatlu l-flus u ma jsarrafhomx għax dawk flus l-infern.

Wara li rtira Joseph ġie joqgħod f’Tas-Sliema. Fis-snin sebgħin, Francis Ford Coppola talbu jaħdem il-parti ta’ Don Vito Corleone f’The Godfather, iżda rrifjuta.

Joseph Calleja miet fl-età ta’ 78 sena. Tletin sena wara mewtu nkixef bust tiegħu fis-Saqqajja.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN