Radju Kafé
Kurżitajiet

Marija

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-isbaħ isem, bla dubju. Mhux biss għax huwa isem sabiħ u popolari ħafna, imma għax ifakkarna f’mara sabiħa. Ħadd ma jaf kinitx sabiħa fid-dehra tagħha, imma f’għemilha kienet sabiħa żgur.

Ma kellhiex ħajja faċli. Imma jidher li sabet sieħeb kwiet u li kien jifhimha. Kieku l-istorja bibblika ġrat illum, min jaf kif nirreaġixxu aħna? Immaġina meta ħarġet l-aħbar li Marija tqila. Tfajla żgħira, taħt l-età, ħarġet tqila u qed tgħid li mhux mill-għarus tagħha! U l-għarus donnu qed jgħattilha; minflok xlieha quddiem il-ġemgħa u tawha xebgħa ġebel kif isir is-soltu, ħalliha tmur għand Eliżabetta.

Illum ma nagħtux xi xebgħa ġebel għal aħbar bħal din, nagħtu xebgħa lsien… minn wara dahar dik li tkun.

Lanqas ħajjitha hu u jikber binha ma kienet faċli. Dan minbarra l-ġenituri tiegħu fid-dinja, kien jieħu l-ordnijiet minn fuq ukoll. Immaġina t-toqol meta titlef lil ibnek għal tlett ijiem u ma tista’ ssibu b’xejn. U dak iż-żmien ma kienx hemm radju u pulizija u ħelikopters ifittxu. Immaġina xi tlett ijiem qattgħu povri Marija u Ġużeppi.

Aħseb u ara t-toqol meta tara u tisma’ kemm ibnek hemm min iridlu d-deni. Dejjem bil-biża’ li se jaħtfuh. Min jaf kemm tagħtu parir jinġabar f’darha biex isalva ġildu. Kull ġenitur jagħmel hekk. Imma hu xorta kien ikompli, donnu biex jisfida… probabbli għax kellu l-ordnijiet minn fuq ukoll.

U ma nistax nimmaġina l-omm li binha dabbar l-eħrex sentenza possibbli. Il-giljottina tal-Franċiżi u s-siġġu elettriku għall-Amerikani kien is-salib għal-Lhud. U quddiem il-poplu jipprova jinħabb mar-Rumani jgħajjru, anki jekk ma jafx dwar xiex. Spettaklu sħiħ. Nimmaġina n-nies lanqas għax-xogħol ma kienu jmorru… biex igawdu x-show.

U dik l-omm tieħu ġo fiha… ma ħarġitx għan-nofs toffendi lil kulħadd. Kienet taf li b’hekk kienet iżżid l-istress lil binha.

Imma Marija hi Marija…

Warda li mnissla fi ġnien il-Ħallieq
ġejt għext fid-dinja u fewwaħtha.
Safja twelidt u bqajt safja fuq l-art,
sa lejn is-sema ttajjart.

Dawl mill-awrora fuq xefaq il-jum
xirfu raġġietek f’Awwissu.
Lanqas l-għerejjex ma ħbewlek il-ġmiel;
ġmielek bla tarf qatt ma dbiel.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN