Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Maskarata Tin Perlina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

“Maskarata tin perlina għax warajk għandek xadina.” Hekk kienu jqabblu fl-imgħoddi fil-Karnival; żewġ frażijiet wara xulxin sempliċiment għat-taqbila… għax f’Malta xadini m’għandniex, ħlief forsi xi maskarat liebes ta’ wieħed.

Minbarra l-prinjolata, l-perlini huma ħelu marbutin mal-Karnival Malti. Jien niftakarhom jitfgħu xi perlini jew ħelu ieħor minn fuq il-karrijiet fit-toroq tal-Belt. U ħalli għat-tfal jippruvaw jilħqu xi ħaġa tajba. Mhux perlini biss kienu jitfgħu. Nifatakr anki jitfgħu għadd kbir ta’ karti stampati b’reklami ta’ ditti li kienu jagħtu donazzjoni għall-ispejjeż tal-karru u bi tpattija, l-maskarati ta’ fuq il-karru jxerrdulhom ir-reklami tagħhom waqt l-isfilata… u jħammġu t-toroq.

Il-perlini mhux lakemm titfagħhom fuq in-nies. Trid toqgħod attent ma tweġġax lil xi ħadd. U ġieli nqalgħet xi ġlieda u minflok il-perlini jintefgħu bil-galbu, juzawhom biex jissuttaw lil xulxin. Għax il-perlini ibsin. Lewża miksija bil-ġelu, jekk tixħetha bil-goff tista’ tweġġgħek, allaħares tiġik f’għajnek!

Il-perlini jkollhom kuluri diversi, sbieħ, ċari u jintużaw ukoll fit-tiġijiet. U f’ċerti tiġijiet jintużaw anki perlini bojod, inkella kulur il-fidda. Probabbli t-tradizzjoni tal-perlini fit-tiġijiet ġejja mill-Italja.

Fl-Italja l-perlini jgħidulhom confetti. Le, mhux dawk il-karti żgħar li nitfgħu meta l-għarajjes joħorġu mill-knisja… dawk it-Taljani jsejħulhom coriandoli. Jgħidu li dat-tip ta’ ħelu ilu jsir minn żmien Ruma l-antika meta kienu jinksew il-lewż bid-dqiq imħallat mal-għasel u bihom kienu jiċċelebraw xi tieġ jew xi twelid ġdid fil-familja. Meta sekli wara kien introdott iz-zokkor mill-kannamilji, zokkor kif nafuh illum, fit-taħlita l-għasel twarrab u daħal iz-zokkor minflok.

It-Taljani għadhom jużaw il-confetti fit-tiġijiet sa llum. U ma ssibx minnhom biss bil-lewż. Jagħmlu  confetti bil-ġellewż, bil-pistacchios u saħansitra biċ-ċikkulata minn ġewwa. Imbagħad ipoġġu ħamsa kaxxa ċkejkna tal-kartunċin bl-ismijiet tal-għarajjes u d-data tat-tieġ stampata fuq il-kaxxa biex il-mistednin jiħduha magħhom. Dik il-kaxxa t-Taljani jsejħulha bomboniera, jiġifieri kaxxa tal-ħelu. Il-ħames confetti jfissru ferħ, saħħa, ġid, fertilità u ħajja twila.

Aħna l-Maltin nagħmlu l-istess ħaġa wkoll għalkemm kien hemm żmien meta l-perlini lill-mistednin konna nagħtuhomlhom f’biċċa velu kkulurit, magħluq b’żigarella lewn id-deheb b’biċċa kartunċina żgħira bl-isem tal-għarajjes u d-data.

Jiġiferi l-perlini għandhom storja twila… anki mingħajr ix-xadina!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN