Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Maskri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fil-jiem tal-Karnival jinbiegħu ħafna maskri, maskri sbieħ, oħrajn koroh apposta biex jiġbdu l-attenzjoni, maskri eleganti, oħrajn irħas, imma kollha maħluqin biex jgħattu l-wiċċ u biex in-nies iħarsu lejhom.

Il-maskra ġejja minn żmien ‘il bogħod. Kienet tintuża f’xi rit ċeremonjali, dejjem biex biha tilbes karattru differenti minn dak tas-soltu. Kienu jintużaw fuq il-palk mill-Griegi u r-Rumani antiki. Kienu parti mir-riti reliġjużi fl-Afrika, l-Asja u fi tribujiet oħrajn madwar id-dinja. Kienu jsiru mill-fuħħar, metall, injam u kulma kien jiġi għal idejhom.

Illum, bħal f’kollox, l-aktar materjal użat fil-maskri huwa l-plastik. L-għan ewlieni tal-maskra, f’kull ċirkostanza, hija li jitgħatta l-wiċċ, titgħatta l-identità u turi wiċċ u karattru differenti. Kultant dan kien isir bi skop tajjeb u kultant le.

Jgħidu li meta ġew il-Kavallieri f’Malta, fil-Karnival kienu jilbsu l-maskri biex ħadd ma jagħrafhom u jkunu jistgħu jiżżieblu kemm iridu man-nisa minkejja li kellhom il-vot tal-kastità. Mhux ta’ b’xejn il-Gran Mastru Lascaris illimita l-Karnival. Kien jaf sħabu kemm kienu qegħdin igerfxu. U biex ipattuhielu kienu jgħajruh supperv u jħares bl-ikrah… infatti sa llum, min iħares bl-ikrah ngħidulu li qisu wiċċ Laskri!

Fil-ħajja ssib maskri trasparenti… dawk li jintlibsu s-sena kollha. M’hemmx għalfejn nilbsu maskra tal-plastik jew tal-kartun biex inkunu wiċċ b’ieħor. Hawn min għandu “talent” kif juża maskra għal kull sitwazzjoni li jkun fiha, dejjem biex imur minn fuq minn fuq dahar ħaddieħor. U ċerti nies, kif ngħidu bil-Malti, kapaċi jaqgħu il-baħar u ma jixxarbux… jilbsu l-maskra, jieħdu dak li jridu u kapaċi jidhru verġni u puri quddiem kulħadd. Għax anki l-maskra hawn min hu professur kif jużaha. Għal nies bħal dawn, mhux
ta’ b’xejn ngħidu li Karnival is-sena kollha.

Imma l-maskri li jidhru, dawk li mhumiex trasparenti, jintużaw l-aktar fil-Karnival. Venezja magħrufin ħafna għalihom u ħafna minnhom huma bċejjeċ ta’ arti. Fil-Karnival ta’ Rio fil-Brażil jintużaw maskri kbar u kkumplikati, bil-kontra tal-ħwejjeġ… ħwejjeġ ftit jilbsu hemm fil-Karnival… jew ikunu trasparenti.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN