Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Mediterran

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ninsabu mdawrin bih… huwa tagħna, imma mhux tagħna biss. Il-Mediterran huwa baħar li kif jixhed ismu ġej mil-Latin, jinsab f’nofs l-art. Infatti huwa kważi magħluq kollu kieku mhux għax għandu ftuħ dejjaq lejn l-Atlantiku bejn Spanja u l-Marokk. U l-istudji juru li miljuni ta’ snin ilu dak il-ftuħ kien xi darba magħluq ukoll.

Il-Mediterran huwa baħar kbir bejn tliet kontinenti: l-Ewropa t’Isfel, l-Afrika ta’ Fuq u l-Asja tal-Lbiċ. Fih dejjem kien hemm kulturi kbar, kulturi differenti. Kultant dawn il-kulturi tlewmu wkoll u dan il-baħar ra għadd ta’ argumenti jseħħu fi ħdanu.

Il-Griegi kienu jsejħulu l-Baħar il-Kbir. Anki r-Rumani kienu jgħidulu hekk għalkemm fi żmien l-Imperu Ruman, meta l-Mediterran kien kollu tagħhom, kienu jsejħulu l-Baħar Tagħna. Il-Persjani kienu jirreferu għalih bħala l-Baħar Ruman, waqt li l-Kartaġiniżi kienu jsejħulu l-Baħar Sirjan. L-Għarab isejħu lill-Mediterran; il-Baħar l-Abjad.

Fil-Mediterran insibu l-aktar kulturi li influwenzaw l-istorja tad-dinja… u minn dawn nibtu imperi kbar li kemm-il darba tqabdu bejniethom jew fuq il-baħar jew fuq l-art li ddawru. U ma kinux ikunu biss battalji għall-kultura… saru gwerer reliġjużi, taqbid għall-ħakma tal-art għammiela u saħansitra għal postijiet strateġiċi u portijiet kennija minħabba l-kummerċ.

Il-kummerċ bejn tant kulturi dejjem kien importanti. Ħafna iġfna ġarrew merkanzija ta’ kull xorta minn art għall-oħra tul is-sekli. U dan kien jixpruna l-attività pirata li għamlet żmien kienet popolari ħafna.

Fis-seklu li għadda tħaffer ftuħ ieħor fil-Mediterran fin-naħa tal-Lvant: il-Kanal ta’ Swejz. B’hekk il-kummerċ żdied fl-importanza għax infetħet triq lejn il-Lvant Imbiegħed minn ġol-Mediterran stess.

Is-sajd minn dejjem kien importanti għar-residenti tax-xtut li jdawru ’l-Mediterran. Issib pajjiżi bogħod ħafna li jimportaw ħut maqbud f’dan il-baħar. Forsi minħabba s-sajd żejjed insibu speċi ta’ ħut li jinsabu taħt theddida wkoll.

Il-baħar Mediterran huwa attrazzjoni turistika għal ħafna nies li jżuru l-pajjiżi Mediterranji, fosthom Malta. Il-kulur blu sabiħ tiegħu imdawwar bi xtut ramlija, bil-blat jew inkella msaġġra joħolqu xenarji li jiġbdu t-turisti lejn dan il-baħar tagħna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN