Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Mejju tax-Xogħol

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

L-Ewwel ta’ Mejju… Jum il-Ħaddiem. Kulħadd jaf l-istorja li bdiet minn inċident imdemmi f’Chicago, kompliet f’Pariġi u ftit ftit din id-data saret il-ġurnata internazzjonali tal-proletarjat, tan-nies impjegati, tan-nies li jaħdmu. F’ħafna pajjiżi dil-ġurnata hija vaganza pubblika filwaqt li f’oħrajn b’xi mod xorta tkun iċċelebrata. Għall-bidu, minħabba l-konnessjoni mad-drittijiet tal-ħaddiema, dil-ġurnata kienet imlaqqma bħala jum ta’ ċelebrazzjoni Bolxevista… anki f’pajjiżna. Maż-żmien il-ġurnata bdiet tindara u anki l-knisja għamlet il-verżjoni tagħha. Fil-bidu tax-xahar iddedikat lil Marija… fil-ħlewwa ta’ Mejju… il-ġurnata iddedikawha lil San Ġużepp… San Ġużepp Ħaddiem. B’hekk issa anke San Ġużepp, l-aktar qaddis sieket, beda jagħmel l-istorbju… bis-serrieq u l-martell!

Naturalment maż-żminijiet kull inizjattiva biex tgħaqqad lin-nies tax-xogħol dejjem għenet biex il-ħaddiem jieħu drittijietu u ma jibqax biss mikri biex jaqla’ x’jiekol. Beda jkollu l-identitá tiegħu, beda jitgħallem u beda jkun is-sid hu wkoll. Kull persuna li taħdem għall-flus… għall-għajxien… hija ħaddiema… anke jekk taħdem magħha innifisha.

Meta ngħidu raġel jew mara tax-xogħol… hawn min jifhimha mod ieħor ukoll. Meta ngħidu “mara tax-xogħol” speċjalment. Anki l-verb “ħadem” jista’ jfisser mod ieħor. Tisma’ lil xi ħadd jgħid “Qed taraha lil dik il-mara? Kieku tagħtini ċans taf kif naħdimha??” Għax is-sess, meta jsir biex taqla’ x’tiekol, jitqies bħala xogħol ukoll. Anzi hawn min jgħid li dik hija l-eqdem professjoni. Ma nafx jafux min kienet l-ewwel professjonista f’dal-qasam. Imma minkejja d-drittijiet kollha li nkisbu maż-żmien mill-għaqdiet tal-ħaddiema, f’pajjiżna qatt ma smajt b’unjin b’xi sezzjoni għall-prostituti… barra jeżistu iżda f’Malta le. U bil-ftuħ ta’ Gentlemen’s Clubs qishom pastizzi naħseb wasal iż-żmien li kollox ikun regolat, inkluż id-drittijiet ta’ dawk li jaħdmu hemm. Ejja nieqfu nkunu dojoq. Aħjar regolamentazzjoni u strutturi kif suppost mill-abbuż li ħafna drabi jsir f’dan il-qasam. L-abbużi jsiru b’mod komdu ħafna minħabba li dawn in-nies ikollhom jaħdmu klandestinament. U jkollhom bilfors jaħdmu b’mod klandestin sakemm il-liġijiet jibqgħu miġbudin minn spag ta’ biża’ mit-tradizzjoni u l-kultura tar-reliġjon.

Meta nitkellmu dwar prostituzzjoni m’aħniex niċċajtaw. Bla ma ninħass li qed niġġudika, għax żgur ma għandi ebda dritt nagħmel dan, ma naħsibx li kulħadd jagħżel dik il-professjoni “għall-gost”. M’għadniex fi żmien fejn ma ssib ebda xogħol ħlief ta’ prostituta. Ħafna drabi l-għażla li persuna ssir prostituta jkollha warajha storja… ħafna drabi storja traġika. Jew il-persuna tkun għexet f’ambjent ta’ prostituzzjoni mit-tfulija, jew tkun emarġinata b’xi mod u ma ħallewlhiex triq oħra, jew saħansitra hija riżultat ta’ traffikar uman. Imbagħad ħalli għall-pimp, jew min iħaddimhom, biex jabbuża kemm irid… jieħu li jrid minnhom u jħallas biċ-ċiċri… jekk ma jsawwathomx ukoll. U jista’! Għax ħadd ma jagħtihom drittijiet, la l-liġi u lanqas l-għaqdiet tal-ħaddiema… u l-abbużi jkomplu jikbru għax il-qliegħ huwa kbir. Fis-seklu elfejn… wara aktar minn mitt sena nfakkru Jum ix-Xogħol… qed nitkellmu dwar każi ċari ta’ skajvitu` qisna fi żmien fewdali.

Dawn persuni bħali u bħalek… Xi ħaġa fis-soċjeta` poġġiethom f’pożizzjoni inqas komda minna… allura ħaqqhom aktar minna li jkollhom id-drittijiet… Għalhekk suppost jiġi Jum il-Ħaddiem.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN