Radju Kafé
Kurżitajiet

Meta kont għamilt il-priedka tal-Milied

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

“Gloria in Excelsis Deo… et in Terra Pax Hominibus Bonae Voluntatis

Glorja ’l Alla fl-Għoli tas-Smewwiet… u Paċi fl-Art lill-Bnedmin ta’ Rieda Tajba”

Hekk kienet tibda l-priedka li kont għamilt meta kont tifel. Kelli tmien snin u Monsinjur Francesco Xuereb kien għażel lili mill-abbatini tal-knisja ta’ Lourdes f’Raħal Ġdid biex nagħmel il-priedka.

Kont għamiltha fil-quddiesa ta’ nofs il-lejl u l-għada, Jum il-Milied, fil-quddiesa tat-tmienja. Kien għallimhieli Twanny Bonnici li kien jieħu ħsieb l-abbatini. Kienet twila mhux ħażin u l-aktar li domt biex tgħallimt kienet l-ewwel linja għax kienet bil-Latin. U propju dawk iż-żewġ linji, Twanny kien qalli biex ngħajjathom aktar mill-bqija tal-priedka, għax kienu l-kliem li kantaw l-anġli.

Ħassejtni fis-seba’ sema… imwerwer quddiem knisja mimlija, imma kuntent għax ridt ngħid kliem l-anġli… għax hekk kien qalli Twanny. Għalkemm kont naqra b’mod regolari fil-knisja, dakinhar ħassejtha aktar importanti. Minn fuq l-ambone rajt lil missieri u ommi quddiem li ma jitilfux xi ħaġa. Ħuti ma kinux quddiemi għax kienu fil-kor fil-ġenb tal-artal. Minn hemm fuq rajt ħafna nies li s-soltu narahom il-quddies, imma dakinhar kienu lebsin pulit ħafna.

Mhux għax kont se nagħmel il-priedka jien, imma għax kien il-Milied. Kollha rajthom jagħtuni kuraġġ b’ħarsithom… minbarra xi tnejn li ħarsithom ma rajthiex… għax kellhom għajnejhom magħluqin… kien nofs il-lejl u raqdu fuq il-bank tal-knisja. Raqdu u kont għadni ma bdejtx nippriedka, aħsab u ara la nibda!

Imma insomma, għamiltha u n-nies ċapċpuli. Wara l-priedka kienu ppreparawni x’se jiġri… jekk nagħmilha tajba, il-Monsinjur kien se jagħtini Bambin kif jagħmel kull sena lil min jagħmel il-priedka. U hekk għamel. Bambin tal-ġibs li ilu għandi 48 sena… u jgħaddu s-snin… u maż-żmien inbarax ukoll… imma jibqa’ hu l-Bambin li jżejjen id-dar, kemm meta kont għadni noqgħod għand ommi u missieri, kif ukoll wara li żżewwiġt. Għalija għandu rabta speċjali b’memorja sabiħa.

L-ewwel żewġ linji dejjem baqgħu f’moħħi. Għad jasal żmien meta jkun hawn paċi fuq l-art kollha? U għaliex għan-nies ta’ rieda tajba biss?  Naħseb l-anġli riedu jgħidu li jkun hawn paċi fl-art jekk il-bnedmin kollha jkollhom rieda tajba… imma dawk għandhom mentalità tas-sema… id-dinja mod ieħor.

Il-kumplament ħbieb…

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN