Radju Kafé
Kurżitajiet

Mill-Album…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jgħidu li l-ħajja hija album ritratti. U hekk naħseb li hi. Tħares lura, tmur f’post fejn diġà mort matul is-snin, tiltaqa’ ma’ nies li kont tafhom snin ilu u jibdew ġejjin lura tifkiriet waħda wara l-oħra qishom album jitqalleb mar-riħ tal-ħajja mgħaġġla.

Moħħ il-bniedem nistħajlu qisu smart phone; mimli apps li waħda minnhom hija l-post fejn taħżen ix-xbiehat, l-immaġini passati biex tibqa’ tiftakarhom; il-gallery. U bħal smart phone, kultant jagħmel update waħdu u kultant donnu jagħmel ta’ rasu wkoll.

Matul il-ħajja, moħħna jieħu ħafna ritratti u jaħżinhom f’dan l-ismart phone uman biex niftakru fihom fi żmien differenti… ġrajjiet ta’ ferħ, oħrajn ta’ niket u fuq kollox oħrajn li jkunu partikolari għalina… u għalhekk niftakruhom aħna u mhux ħaddieħor… għax ikunu ġrajjiet tagħna u tagħna biss.

Illum jaħbat għeluq snini. In-numru ta’ snin fl-eta tiegħi qegħdin jinġemgħu mhux ħażin. 57 sena! Kien hemm żmien meta kont iż-żgħir kullimkien. Fil-familja kont iż-żgħir, fl-ewwel grupp ta’ ħbieb kont l-iżgħar wieħed… imbagħad jgħaddi ż-żmien u qisek mort fuq in-naħa l-oħra tal-munita… u ssir l-ikbar wieħed kullimkien. L-ixjeħ wieħed propjament! Imma dik hi l-ħajja… li nikbru u anki nixjieħu.

U f’ġurnata bħal din bilfors tiftakar fil-ġrajjiet importanti ta’ tul il-ħajja; forsi b’nostalġija, forsi b’xewqa li terġa’ tħossok iżgħar fl-età… forsi biex tiftakar meta kont aktar ’il bogħod mit-tmiem inevitabbli. Hu x’inhu, tiftakar f’dawk il-waqtiet u ġġibhom quddiem għajnejk għal darba oħra qishom realtà ta’ llum. U dan tagħmlu permezz tal-album li qisu smart phone naturali fil-moħħ. U fejn dak jagħmel ta’ rasu u ma jfakkrekx, toħroġ l-album ktieb minn xi vetrina u tara r-ritratti stampati ta’ żmien in-negattiva u l-black and white… bħal dan ir-ritratt ta’ hawn fuq. Kont żgħir. Konna għadna noqgħodu l-Gżira. Il-kamera ma kellhiex flash allura ritratt ridna nieħduh bilfors fuq il-bejt.

Kont izgħar, kont irqaq, kienu jlibbsuni x-shorts u l-kalzetti, kelli ħafna enerġija, kont noqgħod fejn ipoġġuni għax ma nimmaġinax li tlajt fuq dak iċ-ċint waħdi… Insomma, kont fuq kollox mingħajr il-ħafna ħsibijiet ta’ meta ssir adult u titlef il-ġmiel tat-tfulija li tiġi darba biss. U ħasra li tiġi darba biss.

57 sena… 57 sena bogħod minn twelidi… Kemm għaddew naf… Issa naraw kemm fadal.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN