Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Mill-Bieb ‘il Ġewwa

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Is-soltu ngħidu li aħna l-Maltin nodfa biss mill-bieb ’il ġewwa. U veru għax għal uħud, sfortunatament, fejn mhux tagħhom ma jibżgħu xejn għalih.

Minkejja li ftit ftit dieħla l-kultura ta’ komunità, mhux kulħadd iqis lilu nnifsu responsabbli minn pajjiżu, iżda responsabbli biss… mill-bieb ’il ġewwa.

Il-Malti dejjem ħa ħsieb daru u minn dejjem beża’ għaliha. Kont titgħaxxaq tmur ċerti festi, l-aktar fl-irħula, meta l-parruċċani kienu jħallu l-bieb ta’ barra miftuħ beraħ biex dawk li jżuru r-raħal għall-festa jaraw xi ġmiel ta’ djar għandhom: twapet, kewkba, kristalli, linef u kollox kif suppost.

Minkejja li l-kwalità tal-ħajja kienet differenti, kulħadd kien jagħmel minn kollox biex daru tkun qisha ‘showroom’ meta jżurha xi ħadd.

F’dawk iż-żminijiet il-Ħamrun kien magħruf għall-ħwienet tal-għamara, u tal-inkwadri kbar bil-pittura, u purtieri, u linef … u dak kollu meħtieġ għat-tiżjin tad-dar.

L-intrata, bla dubju hija l-ewwel kamra, fejn tilqa’ l-mistednin. Din kien ikollha xi inkwadri sbieħ, forsi antiki u s-senduq kbir tal-injam skur b’xi siġġu qisu tron fuq kull naħa.

Fuqu kienu jpoġġu xi doilers biex l-istatwi taċ-ċeramika ma joborxux il-wiċċ. Imbagħad kien ikun hemm xi xavunier sabiħ bil-wiċċ tal-irħam u gwarniċi ‘l hemm u ‘l hawn b’ritratti ta’ xi qaddisin, tat-tieġ tal-koppja, tal-antenati tagħhom inkella tat-tfal fil-preċett jew fil-griżma.

Is-salott kien post ieħor fejn tilqa’ n-nies u tistedinhom ipoġġu u allura kont issib is-sufan u xi żewġ pultruni u banketti miksijin bil-bellus.

L-inkwadru l-kbir tad-dar kont issibu hemm … l-aktar b’xi pittura minn tal-Ħamrun. Il-gwarniċi li ma jkunux sabu post għalihom fl-intrata, jsibu posthom fis-salott.

Kien ikun hemm ukoll armarju għax-xorb u tavolina fejn in-nies iqiegħdu t-tazzi. Xi arloġġ kbir kien ikollu postu wkoll; jew ‘grandfather clock’ fl-intrata, jew minn dawk imsejħa tal-lira fis-salott jew f’xi taraġ.

Naturalment ma kinux jonqsu l-purtieri jżejnu l-post. Kien hawn min kellu sett għas-sajf, ieħor għax-xitwa u l-isbaħ sett għall-festa.

Insomma imbagħad hemm il-kċina u l-kmamar tas-sodda li dawk kienu jkunu privati u ma jinfetħux għall-mistednin. Dawn kienu jinfetħu biss fit-tberik jekk jinzerta xi qassis irid jidħol f’kull rokna …

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN