Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Min kien Karmenu Carabott?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Dan l-aħħar fettilli s-Sibt filgħodu ninżel sa Raħal Ġdid b’tal-linja u nimxiha lura lejn Birżebbuġa. Għandi bżonn u għandi bżonn nibda nagħmilha kull nhar ta’ Sibt!

U jien u miexi bilfors ħsiebi mar fuq Karmenu Carabott ta’ Raħal Ġdid. Mindu kont żgħir dejjem niftakru xiħ. Kien jimxiha kuljum sa Birżebbuġa sajf u xitwa biex jgħum għawma u jerġa’ lura bil-mixi lejn Raħal Ġdid. Anki meta kiber iktar kont narah għaddej Tal-Barrani mgħawweġ ganċ, xorta jimxi dak it-tul kollu biex imur jgħum kuljum, anki fil-kesħa u l-baħar xejn kalm…

Imma l-aktar li niftakru bħala l-bejjiegħ tal-kotba u l-gażżetti fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid. Il-ħanut ta’ Carabott għadu hemm sa llum u dejjem kien qisu landmark fil-Pjazza. Anki meta tiftiehem biex tiltaqa’ ma’ xi ħadd, kont tiftiehem jew ħdejn il-knisja jew ħdejn Carabott.

Kont issiblu gazzetti mhux biss ta’ Malta imma anki ċerti gazzetti ta’ barra li ma kienx ikollu ħaddieħor. Għax kien ibiegħ ħafna. Niftakarni kull meta mmorru għandu biex nixtru xi ħaġa, kont dejjem noqgħod inħares fuq xkaffa partikolari li kien ikun fiha l-karozzi tal-Matchbox. U dejjem kont insib xi waħda ġdida li jkun ġab mill-aħħar darba li żort il-ħanut tiegħu.

Kien ikollu l-kotba wkoll. U darba tgħallimt li l-kotba kienu ġabuh fi nkwiet liema bħalu… żmien is-“Sedition”. Kien żmien meta kull tip ta’ kitba favur ix-xellug kienet titqies kontra l-Ingliżi u allura perikoluża għall-bonordni pubblika.

Kienet emenda fil-liġi mressqa minn Maltin kontra Maltin oħra… u setgħet tfisser ħabs. Dan kollu kien jinkludi gazzetti, kotba, posters, ittri u anki diski. U l-forzi tal-ordni kellhom dritt ifittxulek anki fil-privatezza ta’ darek bit-tama li jsibu xi ħaġa “perikoluża”. Anki kitba ta’ George Bernard Shaw kienet meqjusa “perikoluża”.

F’Marzu tal-1933 kienu saru serje ta’ raids u b’riżultat tressqu sitt persuni l-qorti, fosthom Karmenu li kien jaħdem it-tarzna. Kienu weħlu multa u xahrejn priġunerija. Huma appellaw u l-appell dam mhux ħażin. Sitt snin wara l-Gvernatur Ingliż kien ħafrilhom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN