Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Min Minnkom Iltaqa’ l-Premier?

 

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Lejn nofs is-seklu li għadda, l-ħarġa ta’ kulħadd kienet il-Belt. Ftit nies kellhom karozza u allura l-eħfef ħarġa kienet fil-post fejn tal-linja minn Malta kollha jiltaqgħu. Kienet il-ħarġa ta’ ħafna nies; min kien ifittex li jmur jara xi film fis-swali taċ-ċinema li kien hemm ħafna, min kien jippreferi l-ġnien tal-Barrakka jgawdi x-xena tal-Port li dak iż-żmien kien mimli vapuri militari Ingliżi, kien hemm min anki jippreferi “jinħeba” fil-ġnien ta’ Hastings fuq ir-riħ ta’ Marsamxett, imma l-maġġoranza kienu jqattgħu il-ħarġa tagħhom il-Belt telgħin u neżlin Strada Rjali, dik li hi Triq ir-Repubblika llum. Kienu jippassiġġaw minn ħdejn it-Teatru Rjal sa ħdejn Pjazza Reġina, u jerġgħu jduru ’l fuq u jagħmluha ma nafx kemm-il darba.

Naturalment tiela’ u nieżel, fl-aħħar ikollok aptit tieħu xi ħaġa u għalkemm kien hemm diversi kafetteriji tul it-triq, l-aktar wieħed popolari kien il-Premier fi Pjazza Reġina. Minbarra li l-Premier kien post kbir għall-apert fejn tiesta’ tieħu kafè jew xi ħaġa friska f’waħda mill-isbaħ pjazez tal-Belt Valletta, kien hemm ukoll id-divertiment b’xejn għal kulħadd. Fuq palk taħt is-siġra tal-kantuniera kien ukun hemm xi orkestra żgħira, banda, iddoqq u tiddeverti lill-klienti.

Dak iż-żmien id-divertiment kien kollu live b’mużiċisti lokali jdoqqu dak il-ħin. Ma kienx hawn recordings jew kantanti karaoke, kollox ġenwin u li tara b’għajnejk.

Ftit bogħod mill-Premier, fi Strada Stretta, kien hemm ħafna mużiċisti li kienu jdoqqu kuljum. Kienet il-mekka tad-divertiment għall-baħrin, imma ħafna Maltin ma tantx kienu jersqu ’l hemm minħabba l-istigma li kellha dik it-triq u allura għall-maġġoranza kbira tal-Maltin, id-daqq kien jeżisti il-Premier.
U ngħiduha kif inhi, jekk ġuvni daħal il-Belt forsi jiltaqa’ ma’ tfajla, mhux se jmur ifittixha Strada Stretta.

Il-Premier kienu jdoqqu ħafna mużiċisti, l-aktar Beltin. Kien hemm diversi band-masters, bil-banda tagħhom , li kollha kellhom il-ġurnata tagħhom meta jmisshom idoqqu. U ħafna minnhom kellhom is-segwaċi wkoll. Ikun imissu t-tali, u tara ħafna mwejjed jimtlew ftit qabel jibda d-daqq biex jagħtuhom is-sapport tagħhom.

Min minnkom iltaqa’ l-Premier?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN