Radju Kafé
Kurżitajiet

Minbarra l-Bambin, min huma l-karattri l-oħrajn fil-Milied?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ninsabu biss ftit ġranet bogħod mill-Milied. It-tiżjin ilu jżejjen it-toroq u d-djar tagħna u d-dinja ta’ madwarna tinbidel u tieħu xejra oħra. Bla ebda dubju l-qofol ewlieni ta’ dil-festa huwa Ġesù Bambin. U allaħares ninsewh. Imma hemm ukoll karattri oħrajn li huma importanti wkoll għall-Milied tagħna.

Per eżempju nistgħu nimmaġinaw il-Milied mingħajr Marija u Ġużeppi? Hi kienet xebba u ħarġet tqila qabel iżżewġet. Sa ftit ilu n-nies kienu jiskantaw meta tfajla kienet toħroġ tqila barra miż-żwieġ, aħseb u ara elfejn sena ilu. U ara kemm kienu se jemmnuha li tqalet wara li dehrilha anġlu! Ġużeppi wkoll! Ma kellux parti faċli. Mhix faċli li taċċetta lill-għarusa tqila u taf li mhux tiegħek.

Dak iż-żmien kienu jħaġġruha tfajla hekk u Ġużeppi kellu kull ċans ixandarha u jgħaddiha mill-martirju ta’ tfajliet oħrajn. Imma Ġużeppi, dejjem sieket skont kif jgħidu, qeda dmiru daqs li kieku kien il-missier hu. Jista’ jkollna Milied bla Marija u Ġużeppi?

Nistgħu nimmaġinaw Milied bla San Franġisk? Tgħiduli San Franġisk fiex daħal? Mhux San Franġisk kien li vvinta l-presepju? Jingħad li l-fqajjar Franġisku ħoloq l-ewwel xena tal-ġrajja ta’ Betlem f’għar fi Greccio l-Italja fl-1223. Ma kienx fih pasturi tat-tafal imma kien presepju ħaj bl-annimali b’kollox. Jista’ jkollna Milied bla presepju li ħoloq San Franġisk?

U la semmejna l-annimali, dawk ukoll kellhom parti importanti. Kienu l-baqra u l-ħmara li saħħnu lit-tarbija mill-kesha ta’ għar miftuħ. U l-ħmara probabbli kienet l-istess waħda li ftit żmien wara wasslithom sal-Eġittu. Anki n-nagħaġ kellhom parti importanti. Kienu n-nagħaġ mas-sidien tagħhom ir-rgħajja l-ewwel li żaru lill-Bambin. Anki l-maġi u l-iġmla tagħhom kellhom parti importanti.

U fi żmienna nistgħu nimmaġinaw Milied bla Santa Klaws? Oriġinarjament kien San Nikola imma t-tradizzjoni moderna bidlitu f’raġel ħelu xwejjaħ, xi ftit oħxan, li jġib ir-rigali għat-tfal f’lejlet il-Milied. Qatt ma tmur minn quddiem għajnejja dik il-kartolina ħelwa ta’ żmien tfuliti b’Santa Klaws jipprova jinżel minn ġo ċumnija bir-rigali imma ma jistax jgħaddi minħabba żaqqu kbira. Jista’ jkollna Milied bla Santa Klaws?

Għalija, karattru importanti ħafna huwa Scrooge. Ma nkunx għext żmien il-Milied jekk ma narax il-film ta’ Scrooge avolja l-istorja tiegħu kulħadd jafha bl-amment. Il-ġrajja li ħoloq Dickens fiha ħafna tagħlimiet siewja.

Fl-aħħarnett hemm jien u int. Nistgħu nimmaġinaw Milied mingħajr jien u int? Is-sabiħ ta’ dil-festa hija s-solidarjetà bejnietna, bniedem ma’ ieħor, bla ebda ħitan ta’ razza, età, ġeneru jew kulur. U huwa kunċett li nittamaw jibqa’ għaddej matul is-sena kollha.

Il-Milied it-Tajjeb ħbieb!

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN