Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Niċeċ, devozzjoni u indulġenzi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jien trabbejt fid-dell ta’ żewġ niċeċ. Kemm meta konna noqgħodu l-Gżira, kif ukoll meta morna Raħal Ġdid, dejjem kien hemm niċċa fil-qrib. Il-Gżira kien hemm niċċa tal-Madonna tal-Karmnu qrib tagħna, fil-kantuniera ta’ fejn konna noqgħodu. Infatti biex infiehmu lil xi ħadd fejn konna noqgħodu eżatt, konna ngħidulu; “in-naħa tal-Madonna.”

Meta morna Raħal Ġdid, imbagħad, kemm noħroġ mid-dar sal-kantuniera u nara niċċa kbira faċċata. Hija niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes u meta maż-żmien inbniet knisja fl-akkwati u saret anki parroċċa, kienu ddedikawha lill-istess Madonna. Jiġifieri l-knisja ssemmiet għan-niċċa u mhux bil-kontra kif jiġri ħafna drabi.

Iż-żewġ niċeċ, it-tnejn f’kantuniera, qatt ma kienu neqsin mill-fjuri u x-xemgħa għax dejjem niftakarhom b’xi ħadd jieħu ħsiebhom. U niċeċ hawn kullimkien, speċjalment fil-partijiet antiki tal-irħula u bliet tagħna.

Xi niċeċ antiki tinnutalhom kitbiet bil-Latin fuq lapida tal-irħam jew tal-ġebel li fihom ikun hemm id-data u taħt liema Isqof tkun saret in-niċċa. Ikun hemm minnhom li fihom l-indulġenzi wkoll. Dan ifisser li jekk tgħid talba quddiem dik in-niċċa, jgħidu li kienu jinħafrulek ġranet mill-Purgatorju. U fuq il-lapida kien ikun hemm l-ammont ta’ ġranet ukoll.

Min jagħtik ħafna u min jagħtik ftit. Jiġifieri jekk titlob quddiem qaddis tingħata maħfra mod u jekk titlob quddiem ieħor jagħtik iktar. Povru dak il-qaddis li jagħti l-inqas għax ħadd ma jieqaf jitlob quddiemu. Jaqbillek jekk tmur quddiem qaddis li jagħti ħafna… tidħol il-ġenna aktar malajr. Kollox bil-favuri u l-qaddisin, anki l-qaddisin stess.

Imma fil-Konċilju Vatikan II dan kollu kien inbidel. Il-Papa Pawlu VI kien irreveda dan kollu fl-1967. Is-salvazzjoni tal-bniedem m’għandhiex tkun marbuta jekk mortx quddiem niċċa li jaqbillek jew le.

Imma dik hija parti mill-istorja tagħna. Il-kitbiet minquxa fuq il-ġebla taħt kull niċċa ifakkruna f’siltiet importanti mill-istorja tal-irħula u tal-pajjiż. U n-niċeċ infushom, fis-skiet tal-ġebla, min jaf kemm stejjer għandhom x’jirrakkuntaw mit-toroq tagħna.

U bilħaqq, dik il-ftila skura li jixgħelu b’xi sulfarina jew lighter biex jisplodu xi murtal jew musketterija, ħafna jgħidulha niċċa. Imma għandhom żball. Il-kelma propja hija miċċa… u mhux niċċa. In-niċċa tkun mal-ħajt, b’xi Madonna jew qaddis.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN