Radju Kafé

Niltaqgħu mal-għaġeb tal-presepju

Ħadd ma jaf x’jismu. Kulħadd bħala “l-għaġeb” jafu. Miskin, setgħu sabulu laqam aħjar, imma dal-laqam weħel miegħu u m’hemmx li jitilqu.

Kull sena f’dawn il-ġimgħat isemmuh ħafna, speċjalment dawk li għadhom jarmaw presepju fid-dar. U jsemmuh ukoll dawk li jkunu jridu jgħajru lil xi ħaddieħor u malajr toħroġ il-frażi “Qisek l-għaġeb tal-presepju.”

Niltaqa’ miegħu kull sena f’dan iż-żmien. Erġajt iltqajt miegħu dan l-aħħar wara sena magħluq ġo kaxxa. U bħal kull sena, kif nerfgħu minn bejn it-tiben artifiċjali, baqa’ jħares lejja, ma jitkellimx. Ma naħsibx li kellu għal xiex jistagħġeb hu u jħares lejja!

Imma, sena wara sena, għaġeb kien u għaġeb baqa’. U għalkemm ebda kelma ma qalli, ħarstu kellmitni. Il-ħarsa ta’ għajnejh tgħid ħafna affarijiet. Forsi għax ikun ilu sena moħbi fid-dlam jaħseb x’għandu xi jgħid meta jerġa’ jitfaċċa fid-dawl biex iqatta’ xahar wieqaf fil-presepju? Ma nafx… Għall-mistoqsijiet tiegħi kellu tweġibiet siekta, imma li jiftiehmu.

Ma jidhirx li jiddejjaq li jsejħulu Għaġeb. Mhux kif ħsibt jien. Ma kellu għalfejn jiskanta jewwilla? Ra lil Ġesù jitwieled. Min jaf kemm hawn pampaluni “Kattoliċi iktar mill-Papa” li xtaqu rawh huma wkoll. Fil-fatt ma kinux hemm, imma l-Għaġeb kien!

Dan l-aħħar l-Għaġeb dar mhux ħażin. Sentejn ilu spiċċa fil-presepju li ntrama f’Ruma f’nofs il-Pjazza tal-Vatikan. Is-sena l-oħra mar mal-istess presepju tal-artist Għawdxi Manwel Grech fil-belt ta’ Betlem fl-art imqaddsa.

U dis-sena ramawh f’Misraħ it-Tritoni fis-sena li l-belt Valletta hija l-Belt Kulturali Ewropeja. Ma ħaqqux iħossu kburi l-Għaġeb jew?

Ħarstu kompliet tgħidli li għalkemm lilu dejjem ipoġġuh jistagħġeb iħares lejn it-tarbija, kultant jaħsibha għandux idur kontra u jistagħġeb lejna wkoll. Min jaf għal xiex? Forsi għax aħna nies li fil-Milied aktar nistagħġbu lejn xi rigal materjali li naqilgħu?

Forsi għax għalina l-Milied skuża oħra biex ikollna għal xiex niċċelebraw? Forsi għax aħna mdorrijin nibgħatu xewqat u kartolini anki lil nies li nkunu ilna sena sħiħa nżommu f’qalbna għalihom? Kważi kważi l-Għaġeb ma hu għaġeb xejn! Għandu raġun.

Eh… bilħaqq insejt ngħidilkom. Dis-sena għandi pastur nieqes. Ix-xabbatur ma nista’ nsibu b’xejn. Għalxejn fittixt il-kaxxi kollha bl-affarijiet tal-Milied. Qisu rabba s-saqajn. Jew forsi m’għandux għalfejn jixxabbat aktar jissendika bil-kurżità.

Probabbli għandu Facebook bħal kulħadd u minn hemm isir jaf fuq kollox u fuq kulħadd aktar milli minn fuq is-saqaf tal-għar fil-presepju.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN