Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Non Gode…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kull meta mmorru nduru fil-kampanja ta’ pajjiżna, spiss naraw xi kappella ‘l hemm u ‘l hawn li jkomplu jagħmlu l-ambjent rurali tagħna aktar pittoresk. Huma kappelli antiki li kienu mibnija min-nobbli jew mill-Kavallieri, l-aktar f’postijiet fejn kienu jmorru jikkaċċjaw.

F’ħafna minn dawn il-kappelli madwar Malta u Għawdex, spiss ninnutaw irħama żgħira maġenb il-bieb bil-kliem Non Gode l’Immunita Ecclesias.

Traduzzjoni bil-Malti ta’ dawn il-kliem tiġi Ma Tgawdix l-Immunità tal-Knisja. Imma din l-immunità xi tkun? Il-kelma immunità ġejja minn kelma bil-Latin immunis, li tfisser ħelsien minn xi obbligu, minn xi liġi.

Fi żmien il-Kavallieri f’Malta mhux l-ewwel darba li nqala’ diżgwid bejn l-Ordni u l-Knisja. Ma kienx ċar sa fejn kellu jasal id-dekasteru ċivili u reliġjuż u ħafna drabi kienu jitlewmu li b’xi mod indaħlu lil xulxin. Kien għalhekk li l-Papa kien ordna li f’Malta jkun hawn Inkwiżitur biex iħares il-fidi u jsolvi l-battibekki bejn iż-żewġ qawwiet.

Il-Knisja kellha regola li tgħid li jekk bniedem jidħil f’territorju tagħha, il-ġustizzja ċivili ma kinitx tista’ għalih. Dan ifisser li jekk bniedem ikun imfittex fuq att kriminali u jidħol fi knisja jew kappella, ħadd ma seta’ jiġbru. U meta qed ngħid knisja jew kappella, anki mqar fuq iz-zuntier. Jekk dak li jkun qiegħed f’territorju tal-kappella, ħadd ma jista’ għalih. Il-ġustizzja taf li qiegħed hemm, imma ma jistgħux imissuh. U mhux hekk biss, anzi l-Knsija kellha wkoll id-dmir li tmantni lilu u lid-dipendenti tiegħu, anki jekk ma jkunux miegħu fiżikament!

Din kienet sitwazzjoni redikola u wara ħafna tilwim bejn il-qrati tal-Kavallieri u tal-knisja, Papa Piju VI ħareġ digriet fl-1777 biex minn dakinhar il-parroċċi u ċerti knejjes magħżula biss jibqgħalhom il-privileġġ tal-immunità. L-oħrajn kollha waħħlulhom irħama biex kulħadd ikun jaf li hemmhekk l-immunità ma teżistix.

Il-Franċiżi li ħakmu lil Malta għal sentejn kienu kontra kull immunità tal-knejjes. Imbagħad meta ġew l-Ingliżi u maż-żmien l-immunità tneħħiet mhux biss minn dawn il-kappelli, iżda mill-knejjes kollha. B’hekk, kriminal ma setax, bħal qabel, jidħol f’xi knisja u Pulizija ma jkunx jista’ għalih.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN