Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ottubru

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ottubru huwa l-għaxar xahar tas-sena. Imma allura għala ismu ġej min-numru tmienja… otto? Dan għaliex fil-kalendarju antik ta’ Romulu qabel żmien Kristu, kien hemm inqas xhur u Ottubru kien it-tmien wieħed. Huwa wkoll wieħed minn dawk is-seba’ xhur li fihom 31 ġurnata u allura l-itwal xhur. F’Malta huwa wieħed mix-xhur li ma fih ebda festa pubblika jew vaganza.

Fil-parti ta’ fuq tad-dinja, li Malta tagħmel parti minnha, Ottubru huwa parti mill-ħarifa li tkun għadha kif bdiet lejn tmiem Settembru u allura huma xhur ta’ transizzjoni bejn is-sajf u x-xitwa, filwaqt li fil-parti t’isfel, bil-kontra, Ottubru huwa xahar tar-rebbiegħa.

Jgħidu li Ottubru jidħol u joħroġ it-tubru. Probabbli li dan il-qawl makabru jingħad minħabba d-dlam li jkollna f’dan ix-xahar minħabba t-temp ikrah u s-sħab iswed. It-tubru kien ikun struttura tal-injam li kienet titpoġġa f’nofs il-knisja biex tissimboliżża l-mewt.

Ix-xahar ta’ Ottubru huwa ddedikat għall-marda kiefra tal-kanċer. Ħafna nies jilbsu l-kulur roża b’solidarjetà mal-morda u ta’ madwarhom f’dik li tissejjaħ Pink October. L-ilbies tar-roża matul dan ix-xahar jintuża wkoll biex iqajjem għarfien dwar it-tbatija siekta li minnha jgħaddu dawk li b’xorti ħażina ħakmithom il-marda, flimkien mal-qraba u ħbieb li bla dubju jbatu magħhom.

Ottubru huwa magħruf għal diversi prodotti tar-raba’. Wara sajf xott li fih il-kampanja ftit tissaqqa’, issa tibda’ tagħmel ix-xita ta’ spiss u allura jibda żmien prodotti li fin-nixfa tas-sajf ma jikbrux. Fost il-prodotti magħrufa għal dan ix-xahar insibu l-qargħa ħamra. Naraw minnhom fl-għelieqi u naraw minnhom fuq il-bjut tal-irziezet biex jinxfu fis-sħana tax-xemx. Il-qargħa ħamra hija sustanzjuża u tajba mmens għar-riċetti ta’ dawn iż-żminijiet biex isaħħnu l-istonku. Eżattament fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, ħafna qargħa aħmar jinbiegħ mhux għall-ikel biss. Il-ġewwieni jinbarax u jittiekel iżda l-qoxra titħalla sħiħa biex tintuża għall-Halloween, festa li qed iżżid il=popolarità tagħha minkejja li ssib min ma jaqbilx magħha.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN