Kurżitajiet

Paċi fil-Maltemp

Niftakar il-Freeport kien għadu mhux lest. Kienet lesta l-istruttura imma krejnijiet kien għad m’hemmx. Tħabbar li s-summit bejn il-mexxejja taż-żewġ super potenzi kien se jsir propju hemm… fil-port ta’ M’Xlokk, ftit ‘il barra minn Birżebbuġa. Kien summit bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Sovjetika mmexxija mir-Russja. George Bush Sr u Mikhail Gorbachev iltaqgħu hemm u temmew il-gwerra bierda li kienet ilha għaddejja snin twal.

Hemm, f’Malta, l-art tax-xemx u l-baħar, intemmet il-Gwerra Bierda. U t-temp la kien biered u x-xemx u l-baħar ma tantx kienu jistednuk. Għajnejn id-dinja kienu fuqna u minflok sabu temp xemxi kif kemm-il darba jkollna f’Diċembru, sabu waħda mill-akbar maltempati; baħar irid jibla’ l-art, riħ u sħab iswed.

Iż-żewġ super potenzi ġabu bastimenti militari biex issir laqgħa fuq kull wieħed: SS Maxim Gorky tas- Sovjetiċi u USS Belknap tal-Amerikani. Imma tant kien baħar qawwi li Gorbachev ma tantx ħassu tajjeb u ż-żewġ laqgħat saru fuq il-bastiment Russu.
Imsieken il-ħafna ġurnalisti minn madwar id-dinja li ġew biex jirrappurtaw il-ġrajja kienu mitluba jmorru jagħmlu xogħlhom fuq il-ponta ta’ Delimara. Minn hemm il-filmati kellhom ikunu pinna… iż-żewġ bastimenti quddiemhom f’ambjent mill-isbaħ. Imma l-maltemp għamel dak il-post l-agħar għażla… riħ minn kullimkien, miftuħ għax-xita u kesħa umda maġenb il-baħar.

Is-Summit tat-2 u t-3 ta’ Diċembru 1989 seħħ ftit ġranet biss wara li waqa’ l-ħajt ta’ Berlin. Anzi ħafna jgħidu li s-summit kien l-aktar wieħed importanti minn dak ta’ Malta meta ltaqgħu Churchill, Stalin u Roosevelt wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Ta’ min jgħid li anki f’dak is-summit, kien hemm isem Malta. Dakinhar, qabel Yalta, Roosevelt u Churchill kienu ltaqgħu f’Malta, eżattament f’binja maestuża fuq il-Fosos tal-Furjana, biex jiftiehmu liema linja se jieħdu meta jiltaqgħu ma’ Stalin.

U fl-1989, intemmet il-gwerra bierda. Uffiċjali miż-żewġ naħat jgħidu li l-gwerra bierda indifnet f’qiegħ il-Mediterran… hemm: f’nofs il-bajja tan-naħa t’isfel ta’ pajjiżna.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN