Radju Kafé
Kurżitajiet

Pawlu tan-Nawfraġju

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Pawlu ta’ Tarsu jew Pawlu ta’ Malta. Pawlu tal-Belt Valletta, Pawlu tar-Rabat, Pawlu ta’ Ħal Safi jew Pawlu tal-Munxar. Kollha jirreferu għall-istess wieħed.

Għall-bidu kien jismu Sawlu u kien magħruf bħala l-biża’ tal-Insara. Kien il-“bully” tal-Lhud, ifittex is-segwaċi tan-Nazzarenu u joqtolhom sakemm darba fi triqtu lejn Damasku jingħad li saret bidla kbira f’ħajtu. Inbidlitlu d-direzzjoni. Filli kien kontra l-Insara u joqtol kemm jara minnhom u filli beda jippriedka biex in-nies isiru Nsara.

Min jaf in-nies ta’ żmienu x’qalu fuqu… Min jaf kemm għajruh pinnur. Min jaf kemm għajruh traditur. Tgħid il-qraba tan-nies li qatel kienu ħafrulu? Kienu jemmnuh meta f’daqqa waħda beda jippriedka l-kontra ta’ għemilu stess?

Mal-bidla fid-direzzjoni ta’ ħajtu, inbidillu ismu wkoll. Minn Sawlu sar jismu Pawlu. Kieku ġrat illum kienu jgħidu li vvinta “stagename”.

San Pawl għandu sinifikat speċjali għalina l-Maltin. Mhux għax jagħtina vaganza kull 10 ta’ Frar, imma għax, kif nafu kollha, kien għadda xi żmien f’Malta. Ġabitu maltempata fi triqtu lejn Ruma bħala ħabsi. Jgħidu li n-nies laqgħuh tajjeb. Ma qalulux li daħal b’mod illegali u tefgħuh Ta’ Kandja.

U man-nies ta’ Malta laqgħetu wkoll il-lifgħa. X’tort għandha miskina? Inqabdet f’ħuġġieġa nar u riedet tara kif teħles minn dak il-ħruq. Imma Pawlu reġa’ tefagħha lura fin-nar. Inzertat beżżula miskina. Bħalma nzerta beżżul Pawlu wara kollox… minn baħar kbir bħal dan ġie jaħbat ma’ waħda mill-iżgħar gżejjer. Imma hekk ried il-Mulej. U b’dik il-ġrajja, u b’riħet San Pawl, pajjiżna spiċċa msemmi fil-Bibbja, privileġġ li ftit postijiet għandhom.

It-tradizzjoni tgħidilna li l-post fejn ħabat Pawlu huwa l-gżira ta’ taħt Selmun f’San Pawl il-Baħar. Issib min jargumenta li l-post seta’ kien il-bajja ta’ San Tumas fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Jekk il-ġifen inġarr mir-riħ, forsi aktar seta’ kien possibbli li ħabat San Tumas milli Selmun. San Tumas jiġi direttament faċċata tal-Greċja, minn fejn kien ġej San Pawl… jekk ma bidilx id-direzzjoni dakinhar ukoll.

Fuq bażi personali, meta kont żgħir kont nistenna Jum San Pawl bil-ħerqa. Kont naqra l-lezzjoni kuljum il-knisja u dakinhar il-qari jkun ħafna itwal mis-soltu. Kont nieħu gost tassew.

U bilħaqq… fis-sinfonija korali ELFEJN U TMINTAX li fetħet uffiċjalment is-sena tal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Kulturali Ewropeja tal-2018, leħen San Pawl kont għamiltu jien… “Kif ħlisna mill-għarqa sirna nafu li l-gżira jisimha MALTA…”

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN