Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Peppi tat-Tuttu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fuq il-Fosos, tal-Furjana, maġenb il-knisja ta’ San Publju hemm binja kbira li llum isservi ta’ każin għat-tim Furjaniż tal-futbol.

Kien hemm żmien meta fil-binja kienu jitgħallmu s-snajja’ t-tfajliet u aktar qabel kien isservi ta’ residenza privata. U kien propju hemm fejn kienet saret l-akbar serqa tas-seklu 19.

Fl-1862 f’dik id-dar kien joqgħod Lawrenz DeMartino ma’ martu u binhom ta’ sentejn. Lawrenz kien ċanġier, jiġifieri bniedem li jsarraf il-flus u kien ovvju li d-dar kien iżomm ħafna flus. Mart Lawrenz kienet mardet u t-tabib ordnalha tmur għal xi żmien għall-arja u b’hekk għaddiet ftit ġimgħat għand oħtha kunjomha DeMarco f’Ħal Balzan.

Fil-5 ta’ Lulju, Lawrenz ordna lill-kuċċier tiegħu bil-kaless biex imur għand ta’ DeMarco, maġenb martu għall-festa ta’ San Valentinu li f’dak iż-żmien kienu jiċċelebrawha bi kbir f’Ħal Balzan. Lil ibnu kien se jħallih mas-seftura Katerina. Ġie l-kuċċier u Lawrenz telaq.

Kif ġie lura tard bil-lejl, sab il-bieb ta’ barra miftuħ. Tela’ jiġri fuq u sab kollox imqalleb. Beda jgħajjat lil Katerina iżda tweġiba ma kienx hemm. Fil-fatt sabha fgata taħt saqqu kbir. Lil ibnu ma rahx u wara li fittex aktar, sabu f’rokna fil-kantina mbikkem.

L-aħbar tas-serqa xterdet u l-ġustizzja bdiet tagħmel xogħlha. Kienu nsterqu 150 dobblu ta’ Spanja, 200 lira tad-deheb, 10 biċċiet flus Maltin, 7 boroż b’elf lira-l waħda, 600 munita ta’ pajjiżi differenti u kaxxa deheb u djamanti.

Il-pulizija staqsew lit-tifel ċkejken li għall-bidu ma qal xejn iżda wara xi ġranet qalilhom “Peppi tat-Tuttu.” Minħabba li żiemel it-tfal kienu jsejħulu “tuttu” u Peppi kien il-kuċċier tal-familja, is-suspett waqa’ fuqu. Il-ġustizzja segwietu u sabet li kien qed jilgħab ħafna flus aktar mis-soltu.

Irriżulta li dan Peppi l-kuċċier, wara li wassal lil Lawrenz lejn Ħal Balzan, reġa’ lura ma’ ħabib tiegħu biex jagħmlu s-serqa. Huma ssellfu żiemel u karrettun differenti biex ma jinqabdux. Li ma kienx jaf Peppi kien li fid-dar fil-Furjana kien hemm is-seftura u t-tifel. Allura ried jeħles minnhom; lil waħda qatluha u lit-tifel qafluh fil-kantina.

Il-flus misruqa nħbew u baqgħu qatt ma nstabu. Iżda dak li silifhom iż-żiemel tkellem mal-ġustizzja u ħa l-proklama. It-tnejn l-oħra nstabu ħatja u ġew mgħallqa quddiem il-ħabs ta’ Kordin.

Jingħad li meta l-ħallelin kienu għaddejjin sparati mill-Imsida sejrin biex iwettqu s-serqa, fid-dlam tal-lejl għal ftit ma laqtux raġel; Girgor Galea li kien il-bojja ta’ dak iż-żmien.

Fl-inċident, Girgor heddidhom “Kieku tiġu taħt idejja!” Fil-fatt ġew taħt idejh għax kien Girgor li għallaqhom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN