Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Pjazza Reġina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kulħadd jafha bħala Pjazza Reġina. Iżda dan il-misraħ ċentrali fil-Belt Valletta la kien jismu hekk mill-bidu u lanqas għadu jismu hekk illum.
Oriġinarjament kien jisimha Piazza dei Cavalieri u kien hemm min isejħilha wkoll Piazza Tesoreria minħabba li t-teżorerija tal-ordni, Casa del Comun Tesoro, kienet tinsab faċċata, fejn illum hemm il-Każin Malti. Imbagħad fi żmien il-Franċiżi inbidlilha isimha u saret Place de l’Egalité meta n-nies ta’ Napuljun bidlu l-ismijiet ta’ ħafna mit-toroq.

Fi żmien l-Ingliżi, dil-pjazza ingħalqet b’ħajt għoli mal-bankina tat-triq u tħawwlu għadd ta’ siġar fuq ġewwa biex saret ġnien li fih setgħu jidħlu l-Ingliżi biss. Il-Gvernatur Ingliż John Gaspard le Marchand kien iddeċieda li jneħħi l-istatwa tal-bronż tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena mill-Forti Manoel u jġibha f’nofs dil-pjazza. Meta imbagħad ir-Reġina Victoria tar-Renju Unit għalqet ħamsin sena, kien deċiż li Vilhena jitmexxa lejn il-Furjana biex minfloku titpoġġa xbieha tar-Reġina… u minn hemm l-Ingliżi semmewha Queen’s Square. Naturalment il-professjonisti Maltin, speċjalment tal-qorti, li kienu jitkellmu bit-Taljan bdew isejħulha Piazza Regina.

Meta l-pjazza reġgħet infetħet għall-pubbliku, wieħed seta’ jgawdi l-faċċata sabiħa tal-Bibjoteka, bini f’nofs il-pjazza li mindu nbena sa llum baqa’ dejjem librerija. Il-bini nbeda fl-aħħar snin tal-Kavallieri f’Malta. Riedu bini kbir għal-librerija tal-Ordni. Iżda ġew is-sentejn tal-Franċiżi bit-turbulenzi kollha li nqalgħu fil-Belt u l-Bibjoteka spiċċat infetħet meta diġà kien hawn l-Ingliżi.

Taħt il-Bibjoteka u fuq in-naħa tal-lemin tal-pjazza hemm loġoġ b’diversi ħwienet. Fuq ix-xellug hemm il-faċċata tal-ġenb tal-Palazz tal-Gran Mastru b’waħda mill-itwal gallariji f’pajjiżna.

Bħala wieħed mill-aktar postijiet ċentrali fil-Belt Valletta, il-post dejjem kien iffrekwentat min-nies u allura dejjem kien hemm ristoranti u ħwienet tax-xorb. L-isem tal-pjazza ta l-isem lil kafetterija antika Caffe Regina, li għamlet żmien anki b’isem Franċiż minkejja li konna diġà taħt l-Ingliżi… Café de la Reine. Bdew jitpoġġew imwejjed u siġġijiet fl-apert fil-pjazza u bdiet anki l-mużika fuq palkett żgħir għal dawk li kienu jpoġġi jieħdu xi kafé għall-arja.

Illum dal-misraħ għandu saflaħħar isem Malti… Misraħ ir-Repubblika.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN