Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Private

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kien żmien meta l-karozzi tal-linja kollha kellhom kulur differenti skont ir-rotta. Anki meta l-kuluri inbidlu u baqgħu biss tliet kuluri skont jekk il-belt jew raħal fejn il-karozza kienet tmur kienx in-naħa ta’ fuq, ta’ isfel jew lejn in-nofs ta’ Malta.

U bħalma l-kulur tal-vettura kien jindika fejn il-vettura tista’ tieħdok, il-lewn kien jurik ukoll jekk karozza kinix fuq il-linja jew le.

Jekk xi ħadd ried jordna karozza għal xi okkażjoni privata, kien hemm dawk bil-kulur isfar ċar, dawk li konna nsejħulhom “privates”.

Kien hawn garaxxijiet kbar, kumpaniji li kien ikollhom flotta sħiħa ta’ privates waqt li kien hawn sidien oħrajn li kien ikollhom waħda u probabli jsuquha huma stess.

Dawn kienu jinkrew jew għax xi xalata l-għada tal-festi, jew biex iwasslu t-tfal fl-iskejjel, jew biex idawru t-turisti madwar il-pajjiż inkella għax xi ħarġa organizzata minn xi għaqda.

Fl-imgħoddi kien ikun hawn min anki jordna private għall-mistednin ta’ xi tieġ. Meta għarus jew għarusa kienu jistiednu l-ġirien, kollha joqgħodu maġenb xulxin, kien aktar faċli li tinkera private biex tieħu lil kulħadd lejn it-tieġ u ġġibhom kollha lura minflok kulħadd irid joqgħod jaħseb għat-trasport hu.

Meta private kienet tinkera għal xi xalata l-isfar ċar ma kienx jibqa’ waħdu. Kienu jżejnu l-private bi bnadar, liedna u kuruni bil-fjuri kulur tal-festa jew każin.

U allura t-Tnejn filgħaxija, meta x-xalati jkunu kollha ġejjin lura lejn l-irħula, kont tara private ġejja bit-tali kulur u tinduna lil-liema festa jew każin tappartjeni.

Tat-tfal tal-iskejjel kienet mod ieħor. L-aktar skejjel li kienu jużaw il-privates kienu dawk tal-knisja jew privati.

Tal-Gvern kulħadd kien imur jew bil-mixi, jew jekk l-iskola tkun f’raħal ieħor, bil-karozza tal-linja. Imma tal-knisja u privati kien ikollhom tfal minn Malta kollha u għalhekk ħafna kellhom ‘il bogħod.

B’differenza minn tal-linja dawn ma kienx ikollhom kunduttur. U allura, kien ikun hemm xi adult jew reliġjuż, jew wieħed mill-ikbar tfal jieħu ħsieb lit-tfal l-oħrajn biex ix-xufier isuq rasu mistrieħa.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN